Il-Kummissjoni Ewropea ħadet lil-Lussemburgu l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea wara li naqset milli timplimenta b’mod sħiħ id-direttiva tal-Unjoni Ewropea biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Il-Gvern Malti daħħal fis-seħħ din id-direttiva f’Dicembru tas-sena li għaddiet. Din hija r-raba’ fis-sensiela ta’ direttivi Ewropej maħsuba biex jikkumbatta dawn ir-reati.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li bagħtet lil-Lussemburgu l-Qorti wara li naqset milli ddaħħal b’mod sħiħ din id-direttiva fil-liġijiet tal-pajjiż.
Il-Kummissjoni pproponiet li l-Qorti timmulta kuljum lil-Lussemburgu sakemm tieħu azzjoni konkreka.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Vera Jourova saħqet li l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea għandhom jimplimentaw b’mod sħiħ dawn ir-regoli.
Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea kellhom sas-26 ta’ Ġunju li għadda biex jadottaw din id-direttiva li tiġġieled il-ħasil tal-flus fost il-pajjiżi Ewropej.