Ir-Reġina Eliżabetta t-tieni tat lil Dr.George Vella l-kavallerat tal-Ordni ta’ San Mikiel u San Ġorġ. L-unur ingħata lil Dr. George Vella fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, personalment mid-duka ta’ Kent, li jiġi l-kuġin tar-reġina.
L-ordni ta’ San Mikiel u San Ġorġ kienet imwaqqfa fl-1818 minn Sir Thomas Maithland li kien l-ewwel gvernatur ta’ Malta. Għal bidu l-ordni kienet għall-gżejjer tal-Mediterran li kienu taħt il-kuruna ingliża pero llum r-reġina għandha l-poter li tonora persuni minn madwar id-dinja biha. L-unur jingħata lil min jagħmel ħidma fejjiedaf’oqsma differenti.
Fl-ewwel kummenti tiegħu wara li ngħata l-unur, Dr. George Vella saħaq għalkemm diffiċli tgħid x’wassal eżatt biex ir-reġina ingliża tonorah b’dan il-mod iħossu onorat u sodisfatt li xogħlu kien apprezzat b’dan il-mod.
“Diffiċli, int li tirċivieha, tgħid imma dawn allura x’raw? L-unika ħaġa hija li għalik tfisser illi inti x-xogħol li għamilt ġie apprezzat. Issa dan tgħidu b’umiltà u tgħidu anke bi gratitudni għal min ikun b’xi mod wera illi inti x-xogħol li għamilt jew inkella kif ħdimna anke mal-high commissioners li kien hawn, ma’ ħafna foreign ministers li ħdimt magħhom fil-passat, Robin Cook, William Hague, Boris Johnson, Philip Hammond illum, jiġifieri dawn kollha jkunu taw l-input tagħhom u tifformola din l-idea li jgħidu “Isma dan irridu ntuh rikonoxximent.”
Dan m’huwiex l-unika unur li ġie ppreżentat lil Dr. Vella. Is-sena li għaddiet l-Istat Malti onora lil Dr. Vella fil-grad ta’ Kumpan fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu. Huwa kien onorat ukoll bl-Onorificenza di Cavalliere di Gran Croce dell’Ordine Ekwestra di Sant’Agata mill-Gvern ta’ San Marino s-sena l-oħra u Gran Croce mill-Ordni ta’ San Gwann.
Waqt iż-Żjara tiegħu fil-Palazz id-duka kixef pittura rrestawrata mill-Heritage Malta ta’ San Gorġ u San Mikiel. Din saret sabiex tikkomemora l-biċentinarju tal-Ordni ta’ San Mikiel u San Ġorġ.