Esperjenza qarsa għal studenta universitarja li dalgħodu nsterqitilha t-teżi mil-librerija tal-Università ta’ Malta.
Il-każ seħħ wara li l-istudenta ħalliet il-basket fid-daħla tal-Librerija minħabba l-fatt li l-istudenti ma jitħallewx itellgħu l-basktet magħha waqt li jkunu qegħdin jagħmlu l-istudji tagħhom fil-librerija.
F’kuntatt li għamlet ma’ one.com.mt , omm l-istudenta qalet li bintha waslet id-dar mill-Università mbikkma għax fil-basket kellha ‘pendrive’ li kien fiha t-teżi tagħha flimkien ma’ xogħol ieħor marbut ma’ dan l-istudju tant importanti.
L-omm qalet li jidher li dawn is-serqiet qed ikunu spissi u qed ikunu kaġun ta’ stress żejjed inkluż ukoll sfaxxar fix-xejn ta’ tant ħin ta’ ħidma li l-istudenti jkunu wettqu.
L-omm żiedet tgħid li dwar il-każ sar rapport lill-Pulizija u ħeġġet lil kull min għandu xi informazzjoni dwar min seta’ ħa l-basket ta’ bintha biex jgħaddiha lill-awtoritajiet.
Kull min għandu xi informazzjoni huwa wkoll mitlub biex jagħmel kuntatt magħna fuq onenews@onenews.com.mt
Intant studenta oħra bagħtitilna e-mail fejn qaltilna li din qed tiġri ta’ kuljum:
“Il-bieraħ bejn il-17.00 u is-19.00 ta’ filgħaxija jien ukoll ġejt misruqa mil-librerija. Il-basket fejn kien fuq xkaffa għolja spiċċa mal-art, b’kollox imħarbat u l-wallet ma kienx hemm. Kelli pendrive ukoll ġewwa l-wallet li għandha ritratti sentimentali. Kulħadd beda jgħidli li qed tiġri kuljum din il-ħaġa kif ukoll il-pulizija. Security guard ma kien jidher mkien u footage ta’ CCTV bilfors pulizija jrid jarah u mhux aħna l-istudenti. Jekk xi ħadd ikun jaf xi ħaġa importanti li jitkellmu.”