Ġuvni ta’ 20 sena inżamm arrestat wara li allegatament seraq ikel u xorb minn stabbilitment fil-Belt Valletta.
Il-Qorti ppreseduta minn Gabriella Vella semgħet kif Nico Spalding, li m’għandux indirizz fiss, allegatament seraq numru ta’ oġġetti waqt li kien barra fuq probation b’rabta ma’ każ preċedenti – u għalekk qed jitqies riċediv, bil-valur tal-oġġetti kien bejn €40 u €50.
Iż-żagħżugħ tressaq il-Qorti mill-Ispettur Jeffrey Scicluna fejn fil-Qorti l-ġuvni spjega kif spiċċa mingħajr dar wara li ommu spiċċat l-isptar. Spalding qal li hu kien mwiegħed minn persuna li kien se jibda jħadmu li se jkun qed jingħata post fejn jgħix, liema indirizz ngħata fil-Qorti.
L-avukat difensur, Ishmael Psaila, wieġeb mhux ħati f’isem l-akkużat fejn għamel talba għall-ħelsien mill-arrest fejn spjega kif l-akkużat kien ipprovda indirizz lill-Qorti.
Kien proprju hawn li l-Ispettur Scicluna informa lill-Qorti li Spalding kien ta informazzjoni skorretta lill-Pulizija b’rabta mas-sitwazzjoni ta’ fejn jgħix fejn apparti minn hekk kienet diffiċli biex hu jinstab.
Psaila spjega kif il-Qorti fehmet is-sitwazzjoni u l-ambjent li jgħix fih l-akkużat, u qal li kieku jkun aktar ideali jekk ma jmissx ma’ ħabs.
Il-prosekuzzjoni rrakkomandat li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, hu għadu jingħata l-opportunità li jagħmel kors ta’ rijabilitazzjoni kontra d-droga.
Madanakollu l-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest hekk kif hi żammet f’moħħha l-kondotta kriminali tal-akkużat, il-fatt li kiser ordni ta’ probation u l-fatt li l-Qorti ma kinitx konvinta li l-indirizz ipprovdut hux tajjeb.
Il-Qorti ħeġġet lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex l-akkużat jingħata l-assistenza meħtieġa sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga.