Sitt snin ilu Malta u Għawdex kollu nħasdu bl-aħbar tal-mewt traġika tal-qassis żagħżugħ Dun Rene Cilia.
Dun Rene li kellu 27 sena, kien involut f’inċident traġiku wara li tilef il-kontroll tal-karozza tiegħu waqt li kien fi trieqtu biex iqaddes fiż-Żejtun.
Fr. Rene, qassis ferrieħi, li kien iservi fil-knisja taż-Żejtun kien maħbub minn ħafna, speċjalment miż-żgħażagħ kollha li hu tant iddedika ħin għalihom.Onenews.com.mt tkellem ma’ Joseph Degabriele, żagħżugħ li kien ħabib kbir tas-saċerdot kif ukoll għal diversi snin ħadem mill-qrib ma’ Dun Rene Cilia. Degabriela qalilna li “Rene kien ta’ gwida, mhux biss bħala djaknu u wara qassis, iżda iżjed u iżjed bħala ħabib!”
Degabriele kompla jirrakkonta esperjenzi ħelwin li kellhom hu u Dun Rene fosthom il-preparazzjoni tal-Prima Messa u t-tieġ ta’ oħtu.
Hu spiċċa billi qal li għalkemm għadda ż-żmien, l-impatt u l-influwenza tiegħu għadhom qawwija fuq kull minn kien qrib tiegħu.