Ministru għall-Edukazzjoni u Xogħol Evarist Bartolo saħaq li m’hemm ebda pjan li l-gvern jbaxxi l-livell tal-professjoni tal-għalliema – la min dak provdut mill-Fakultà tal-Edukazzjoni u anqas mill-Istitut għall-Edukazzjoni.
Meta kien qed jagħlaq id-dibattitu fil-Parlament dwar il-voti għall-ministeru tiegħu, il-Ministru Bartolo qal li l-gvern irid li l-għalliema jkollhom l-appoġġ kollu u l-preparazzjoni kollha meħtieġa biex jistgħu jagħmlu x-xogħol tagħhom li qed isir dejjem aktar ikkumplikat u diffiċli.
Huwa qal li bil-liġijiet li għadda l-gvern qatt ma kellu xi intenzjoni li jferi jew iweġġa’ lill-professjoni tal-għalliema. Kien dan il-gvern li ħadem biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-għalliema li għal ħafna snin tħallew fil-qiegħ tal-professjonijiet fis-settur pubbliku.
Il-Ministru wissa li l-gvern m’għandu ebda tolleranza għal min ikun vjolenti jew iġib ruħu ħażin mal-għalliema. Dawn mhu se jsibu protezzjoni mingħand ħadd, anzi l-gvern se jkun qed iħarrax il-pieni u jdaħħal miżuri ta’ sigurtà fl-iskejjel.L-akbar sfida hi li jkollna aktar żgħażagħ li jkomplu jistudjaw wara li jagħlqu s-16-il sena – sitwazzjoni li diġa’ bdiet titjieb u Malta m’għadhiex il-qigħ tal-Unjoni Ewropa kif qed jallegaw il-membri tal-Oppożizzjoni. Minn 23 fil-mija niżlet għal 17 fil-mija u l-akbar sfida hija mhux kif minn 15-il sena jkomplu għal 16 iżda kif minn 16 ikomplu għal 17 u 18-il sena.
L-aktar ħolqa dgħajfa fis-sistema edukattiva Maltija, qal il-ministru, hija l-post sekondarju bi studenti jgħaġġlu kemm jifilħu biex iġibu ċertifikati fl-iqsar żmien ħalli mis-sekondarja jaqbżu għall-edukazzjoni terzjarja – l-Università jew għall-MCAST.
Fis-sistema tagħna iridu jkomplu jiddaħħlu l-work-based learning, l-internships u l-apprendistat, biex waqt li ż-żgħażagħ jitgħallmu, ikunu esposti wkoll għad-dinja tax-xogħol.
Qed isir xogħol biex l-iskejjel sekondarji jkunu mgħammra b’laboratorji apposta biex ikomplu jitħalltu flimkien l-edukazzjoni u x-xogħol u t-tfal ikunu preparati għad-dinja li se jsibu fil-futur.
Fl-aħħar snin saru żviluppi kbar biex l-iskejjel isiru aktar relevanti bi programmi għal tfal li qabel kienu qed jintilfu.