Baqgħet mhux stabbilita mija fil-mija l-kawża tat-tiġrif tal-ajruplan Metroliner Franċiż li f’Ottubru ta’ sentejn ilu li ħasad il-ħajja ta’ ħames bdoti Franċiżi meta waqa’ ftit tas-sekondi wara t-tluq mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Madankollu l-investigazzjoni wriet li l-ajruplan seta’ ġġarraf minħabba ħsara teknika li x’aktarx oriġnat minn bidliet speċifiċi tal-ajruplan u n-nuqqas ta’ manutenzjoni xierqa ta’d awn il-bidliet.
Dan joħroġ minn rapport uffiċjali tal-investigaturi Franċiżi li tqabbdu jinvestigaw it-tiġrif tal-ajruplan.
Ir-rapport ta’ 68 paġna ra kif malli l-ajruplan laħaq il-mija u ħamsin pied bħal donnu tilef il-kontroll u dar fuq in-naħa tal-lemin tiegħu. Hawnekk baqa’ tiela sa għoli ta’ mitejn u erbgħin pied u f’kemm trodd salib iġġarraf b’saħħa liema bħalha mal-fit-triq maġenb tal-mitjar biswit il-bażi tas-suldati f’Ħal-Safi.
L-esperti sabu żewġ possibilitajiet ewlenin li setgħu wasslu għat-tiġrif tal-ajruplan. L-ewwel waħda hija sitwazzjoni fejn setgħet iġġammjat is-sistema li tasssiti l-imnieħer tal-ajruplan biex jitla’ u jinżel. It-tieni sitwazzjojni kienet ħsarat f’sistema li twaqqaf lill-ajruplan milli jitlef il-kontroll waqt li jkun qed jittajjar.
L-esperti tal-avjazzjoni Franċiżi li ġew Malta sabiex jinvestigaw dan il-każ spjegaw kif l-ewwel possibilitá setgħet seħħet hekk kif il-pilota kien qed jgħolli l-imnieħer tal-ajruplan waqt li kien qed jinqata’ mill-art. Hawnhekk setgħu weħlu jew inqatgħu xi cables li jirregolaw parti mid-denb tal-ajruplan bil-konsegwenza li l-kaptan li kellu 30 sena titlef il-kontroll kollu tad-denb.
Ir-rapport sab ukoll li l-Stall Avoidance System, sistema li tipprevjeni l-ajruplan milli jitlef il-kontroll waqt li jkun fl-ajru kienet qed timmarka li kellha xi problemi qabel mal-ajruplan spiċċa ballun tan-nar. Dan ġie konkluż definittivament minn spezzjoni ta’ parti mill-kabina li baqgħet mhix mittiefsa. Din is-sitwazzjoni flimkien ma nuqqas ta’ rispons f’waqtu mill-bdot setgħet wasslet ukoll għal dan l-inċident.
Madankollu r-rapport innota kif minħabba li fil-passat l-ajruplan kien jintuża għal skopijiet militari, huwa ma kellux il-kaxxa s-sewda li tirrekordja l-azzjonijiet kollha tal-makkinarju u l-ekwipaġġ. Minħabba f’hekk, l-esperti setgħu janaliżżaw biss it-tiġrif tal-ajjruplan u r-raġuni konklussiva kienet kważi impossibbli li tiġi stabbilità.
Sabiex waslu għal dawn il-konklużjonijiet l-esperti esploraw diversi ipotesi li setgħu wasslu għal dan l-inċident traġiku li ħasad il-ħajja tal-ħames Franċiżi abbord.
Fost dawn l-ipotesi hemm: ħsarat minn impatt ma’ għasfur, żbalji minn naħa tal-kaptan, attentat ta’ suwiċidju u problemi fil-magni. Madankollu wara eżaminazzjoni b’reqqa tal-filmati u tat-tiġrif, dawn l-ipotesi kollha ġew imwarrba.
Possibilta oħra li setgħet ikkawżat dan l-inċident kienet ħsarat fil-bażi ta’ High Frequency antenna li ġiet installata xi snin ilu, madankollu l-esperti kkonkludew ukoll li din is-sitwazzjoni kienet imporbabbli.
Dan ir-rapport inkluda fih ukoll numru ta’ rakkomandazzjonijet sabiex fil-futur jiġu evitati inċidenti ta’ dan it-tip. L-esperti rrimarkaw kif il-piloti għandu jkollhom taħriġ permezz ta’ simulator kif joperaw is-sistemi ta’ dan l-ajruplan kif ukoll li għandu jkun jkun hemm sorveljanza aħjar tat-tiswijiet li jsiru fuq l-ajruplani bejn il-ġurisdizzjonjiet.
Ir-rapport qal ukoll li kull ajruplan għandu jkollu l-kaxxa s-sewda u rrakomonanda lill-awtoritajiet Maltin sabiex jinvestigaw ir-raġuni għalfejn ma kienx l-operatur mit-torri tal-kontroll li l-ewwel induna b’dan l-inċident li seħħ daqstant qrib l-ajruport.