F’anqas minn tnax-il siegħa, dalgħodu l-Pulizija għaddejja bl-arresti taż-żgħażagħ li l-Ġimgħa waranofsinhar aggredew lil Liam Debono, iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil tal-kuntistabbli Simon Schembri.
Ikkonfermaw dan ma’ ONE News sorsi qrib il-Pulizija, li qalu li fost is-suspettati hemm tfal minuri.
Is-sorsi qalu wkoll li mhux qiegħed ikun eskluż li l-argument beda dwar tfajla u eskala fl-aħħar jiem, tant li allegatament Debono sfidahom għall-ġlied.
Jidher li Debono ġarrab ġrieħi ħfief, tant li x’ħin ħareġ mill-Isptar Mater Dei, tkellem mal-Pulizija fl-għassa. Aktar tard huwa tella’ ritratt fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook li juri l-marki tad-daqqiet li qala’ fuq moħħu u taħt għajnejh.
Kien ilbieraħ waranofsinhar għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs meta fil-ħin li kien ħiereġ mill-post tax-xogħol tiegħu f’Ħal Luqa, Debono qala’ xebgħa minn grupp ta’ ħames persuni.
Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu ma’ ONE News li dan il-każ m’għandux x’jaqsam mal-każ tal-Kuntistabbli Schembri.
Nifhmu li l-aggressuri mistennija jitressqu l-qorti fis-sigħat li ġejjin u jiġu mixlija fost oħrajn li darbu lil Debono.
Intant bħalissa uffiċjali tal-Pulizija jinsabu fuq il-post sabiex ikomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom rigward dan il-każ fejn fost oħrajn elevaw filmati mill-kameras tas-sigurtà.
Fl-aħħar jiem Debono kien ukoll fl-aħbarijiet wara li l-Qorti waqqfet milli tixxandar intervista miegħu u mal-kuntistabbli Simon Schembri fuq il-programm Xarabank.
F’Settembru li għada, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000.