Il-Gvern ta’ Malta se jinnomina lill-avukat Dr Ramona Frendo biex isservi fil-kariga ta’ Imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea wara li giet magħżula minn bord magħmul minn persuni teknici wara sejħa pubblika.
Il-vakanza nħolqot wara li din is-sena spiċċa t-terminu tal-Imħallef Prof. Peter G. Xuereb f’din l-istess Qorti. Sussegwentement il-Professur Xuereb nħatar bħala Mħallef fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja wara li gie nnominat mill-Gvern ta’ Malta għal dan ir-rwol.
Wara n-nomina ta’ Dr Frendo, jibda proċess mill-entitajiet konċernati skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea sabiex din in-nomina tiġi approvata, għal perjodu ta’ sitt snin.
Fi stqarrija l-Gvern qal li jemmen li bl-istess mod li Dr Frendo wriet l-ħiliet tagħha bħala Avukat tul il-karriera tagħha, se turi wkoll il-kapaċitajiet tagħha fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Dr Ramona Frendo għandha 22 sena esperjenza fil-prattika legali, f’oqsma li jvarjaw minn litigazzjoni f’materji ta’ natura Ċivili; Kummercjali; Kriminali; u fl-oqsma tal-Assigurazzjoni; tal-Liġi tal-Familja; u dik Industrijali.
Hija ħadet il-formazzjoni u t-taħrig akkademiku tagħha mill-Università ta’ Malta, mill-Università ta’ Cambridge u reċentement wkoll minn Kings College London.
Hija serviet bħala konsulent f’diversi fergħat tal-liġi nazzjonali u serviet wkoll fil-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.