B’investiment ta’ żewġ miljuni u sitt mitt elf, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mbarka fuq proġett ta’ xogħlijiet fuq wieħed mill-Aprons fil-mitjar li jesa’ sitt ajruplani; li jinsab biswit it-terminal l-antik.Ix-xogħlijiet se jibqgħu għaddejjin sal-aħħar ta’ Marzu li ġej meta l-linji tal-ajru qed joperaw l-iskeda tax-xitwa u allura jkun hemm inqas titjiriet; bil-għan li jitnaqqas kemm jista’ l-impatt fuq id-disponabbiltà tal-ispazju ta’ parkeġġ għall-ajruplani.
Fl-istess perjodu se jsiru wkoll xogħlijiet ta’ ripavimentar fuq it-taxiway li tgħaqqad ir-runway ewlenija tal-ajruport.
Dan il-proġett huwa wieħed fost sensiela li qed jimplimenta l-Ajruport b’impenn li jinvesti fl-infrastruttura tal-istess mitjar fl-istess waqt li jtejjeb il-livelli ta’ sigurtà u effiċjenza fl-operat.