“Minkejja li għal numru ta’ ġimgħat kien hemm ħafna diskors mill-Oppożizzjoni dwar is-sigurtà fil-lokalitajiet tagħna, issa li l-gvern qed jipproponi li permezz tat-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali propju nżidu din is-sigurtà madwar Malta u Għawdex, l-Oppożizzjoni ħarġet kontra.”
Kien dan il-messaġġ tal-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali fejn fi stqarrija spjega kif huwa ċar li l-Oppiżizzjoni titkellem dwar sigurtà iżda ma tridx azzjoni.
L-istqarrija tgħid kif kuntrarju għal dak li qal Adrian Delia, waqt diskors mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Beppe Fenech Adami, li fi kliemu kien qed jitkellem f’isem l-Oppożizzjoni kollha, hu qal li l-proposta ta’ safe city, li għad trid tgħaddi mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, se tkun hemm biex il-gvern jispjuna fuq in-nies.
“Dan mhux assolutament il-każ u jidher ċar aktar minn qatt qabel li filwaqt li l-Oppożizzjoni tparla biss u tkun negattiva basta topponi lil gvern, il-gvern qed jaġixxi.”
Il-Ministeru qal kif fl-aħħar baġit il-Gvern diġà mmarka l-lokalità ta’ Paceville u wara l-Marsa bħala żewġ postijiet fejn għandu jitħaddan dan il-kunċett. Il-kunċett wara safe city huwa propju dak li tiżdied is-sigurtà fil-lokalitajiet tagħna, kemm għar-residenti kif ukoll għal kull min iżur pajjiżna permezz tat-teknoloġija, kif diġà hemm f’ibliet barra minn pajjiżna, fosthom f’Londra.
Spjega kif dan il-proġett se jsir dejjem b’rispett sħiħ lejn standards internazzjonali, fosthom qafas legali b’saħħtu fejn tkun żgurata d-data protection u wara proċess ta’ konsultazzjoni.