Id-Dipartiment tad-Dwana ħabbar li minn eżerċizzju li sar dwar is-sigaretti tal-kuntrabandu li jidħlu f’Malta, ħareġ li l-pieni marbuta ma’ dan ir-reat ma kinux qegħdin jiskoraġixxu s-sogru għall-kuntrabandu.
Fi stqarrija, id-Dwana qalet li kienu bosta l-każi ripetittivi li qabdet id-Dwana.Qalet li għalhekk inħass il-bżonn li tiġi ttrattata din is-sitwazzjoni anomala fid-diversi oqsma b’mossa li tindirizza kemm id-domanda għal dan il-prodott kif ukoll l-ammont għad-dispożizzjoni biex jissodisfaha.
Id-Dwana qalet li dan ifisser li d-Dipartiment ma fadallu l-ebda triq oħra ħlief li jibda jipproċedi bl-istess mod kemm kontra min jimporta u jbigħ, kif ukoll kontra minn jikkonsma dawn is-sigaretti.
Qalet li għal dan il-għan is-sena l-oħra, ġiet emendata l-liġi bil-multi fuq evażjoni ta’ sisa jiżdiedu b’mod qawwi.
Fil-fatt il-multi minimi fuq reati deċiżi barra l-Qorti żdiedu minn €250 għal €1,500 waqt li l-multi minimi fuq reati ttrattati mill-Qorti żdiedu minn €500 għal €3,500 fil-każ ta’ konfiska, u minn €600 għal €4,000 fil-każ ta’ evażjoni.
Il-multa massima fuq reati ttrattati mill-Qorti hija ta’ €25,000.
Id-Dwana qalet li min jidhirlu li għandu jibqa’ jippersisti fil-ksur tal-liġi, issa qed isib li l-liġi saret aktar b’saħħitha u għax iċ-ċittadin onest, li jħallas it-taxxi kollha, jistħoqqlu li jkun protett b’mod aktar qawwi.
Sadanittant, id-Dipartiment tad-Dwana, qal li fil-ġimgħat li ġejjin, se jibda kampanja ta’ għarfien ħalli l-pubbliku jkun infurmat sew b’dan id-deterrent.
Id-Dipartiment tenna li l-kuntrabandu huwa reat kriminali serju ħafna u jista’ jwassal għal piena ta’ ħabs.