Statistika tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat turi li matul is-sena li għaddiet, il-Maltin kellhom l-inqas nefqa fl-Unjoni Ewropea għall-kirjiet.
Dan jista’ jkun dovut għall-fatt li kważi tmenin fil-mija tal-familja Maltin u l-Għawdxin huma sidien ta’ djarhom u għalhekk jiffrankaw il-kera.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li n-nefqa tal-Maltin kienet ta’ 7.6 fil-mija tal-flus disponibbli tal-familja Maltin.
Il-Eurostat qal li din hija l-inqas nefqa fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn iċ-ċittadini tagħha jonfqu kważi 24 fil-mija tad-dħul tagħhom f’kirjiet.Wara Malta tiġi l-Latvja b’10 fil-mija, il-Litwanja b’aktar minn 13 fil-mija, ir-Repubblika Ċeka b’14.5 fil-mija u l-Islovenja bi 17.3 fil-mija.
Min-naħa l-oħra l-Ispanjoli jonfqu l-aktar fuq il-kirjiet bi 32 fil-mija, segwiti mill-Olanda bi kważi 31 fil-mija u l-Iżvezja bi 30.8 fil-mija/
Minkejja dan biex jilqa’ għal żidiet fil-prezzijiet tal-kera f’Malta, fil-budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern ħabbar li se jagħmel bidla radikali fl-għajnuna li tingħata biex is-suq tal-kera jkun aktar affordabbli.
Il-miżuri tal-budget jaħsbu biex l-għajnuna tvarja minn massimu ta’ tlett elef ewro għal ħamest elef ewro fis-sena skont iċ-ċirkostanzi tal-familja.
Is-sussidju qawwi tal-kera jmur id f’id mal-White Paper li nieda l-Gvern dwar is-suq tal-kera u li bosta għaqdiet fosthom il-Caritas, Min Iħaddem u l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi laqgħuha b’mod pożittiv.