George Farrugia, magħruf bħala iċ-Ċapalaw, intbagħat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li żamm anzjana kontra r-rieda tagħha u serqilha ċappetta tad-deheb. Farrugia nstab ħati wkoll li seraq żewġ bagalji mingħand turist u li kien riċediv.
Ftit tal-ġimgħat ilu Farrugia spiċċa ngħata multa ta’ €4000 wara li nfexx jgħajjat kliem dispreġjattiv fil-konfront tal-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fejn wara pprova jiġġustifika dan l-att billi qal li hu “Satanist”.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħadet inkonsiderazzjoni l-fatt li Farrugia kellu passat kriminali li jmur lura għall-1975, liema akkużi kienu jvarjaw. Farrugia ammetta għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu bil-Qorti tinnota kif hu ammetta mill-ewwel u kkopera mal-Pulizija fejn filwaqt li mexa sew, ma jfissirx li b’mod awtomatiku se jkun qed jinħeles. Il-Qorti spjegat kif wieħed ma jistax jagħlaq għajnejh għal mod ta’ kif tratta anzjana – persuna vulnerabbli – liema akkużi normalment ikollhom riperkussjoni ta’ bejn erbgħa u disa’ snin ħabs jekk wieħed jinstab ħati.
Kien għalekk li l-Qorti bagħtet lil Farrugia ħames snin ħabs fejn poġġiet lil Farrugia taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin b’talba lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex tikkunsidrah għall-programm ta’ riabilitazzjoni kontra d-droga sabiex jegħleb il-vizzju.