Il-Prim Ministru, Joseph Muscat ħabbar fil-Parlament, li fi ftit taż-żmien ieħor, il-Gvern se joħroġ għall-ewwel darba rapport b’reazzjoni għar-Rapport Annwali tal-Ombudsman, li huwa jagħmel kummenti fuq ilmenti individwali u jinvestiga ċertu oqsma.
Meta kien qed jitkellem dwar il-voti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Prim Minsitru qal li minkejja li r-rapport jiġi diskuss fil-Parlament ma jkunx hemm reazzjoni uffiċjali mill-eżekuttiv. Għall-ewwel darba, il-Gvern se jġib dar-rapport fuq quddiem nett tal-aġenda u se jkun qed jagħti risposta għalih.
Il-Gvern iddeċieda li bejnu u l-Awditur Ġenerali jinbeda mekkaniżmu fejn iċ-check and balances qed jaħdmu għax ir-rapporti ma jsirux biex jitpoġġew fuq l-ixkaffa.
Il-Prim Ministru qal li, għat-tielet sena, l-Gvern se jipubblika tweġiba għar-rapport annwali tal-Awditur Ġenerali. Qabel, ir-rapporti tal-Awditur kienu jsiru analizi interni dwarhom u imbagħad kull rapport kien jispiċċa kopja tas-sena ta’ qabel.
Meta wieġeb għad-diskorsi tal-Oppożizzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-amministrazzjoni pubblika u t-tmexxija tal-gvern, Dr Muscat qal li fir-rigward tal-persons of trust, in-numru li għandu dan il-gvern huwa l-istess ammont ta’ persons of trusts li kellu Gvern Nazzjonalista fl-2010.
Il-Prim Ministru qal li m’hawn l-ebda amministrazzjoni pubblika li meta tidħol fil-gvern ma jkolliex persuni ta’ fiduċja tagħha biex joperaw ċertu affarijiet.
Dr Muscat qal li llum għandna servizz pubbliku li ġie shortlisted u jieħu awards internazzjonali għas-servizz li huwa klassifikat fl-ogħla postijiet tal-Unjoni Ewropea – kemm bħala fiduċja tan-nies kif ukoll bħala kwalità ta’ servizz. Żied jgħid li qed issir ħidma fuq ir-riforma tas-servizz pubbliku.
Il-Prim Ministru semma’ li qed joffru 800 servizz fil-komunità permezz tas-servizz.gov.
“Issa, peress li daħħalna sistema ta’ simplifikazzjoni, dawn il-formularji issa saru formularji onlajn,” qal Dr Muscat. “B’dan il-mod qed titnaqqas ukoll il-burokrazija.”
Il-formularju biex wieġħed jiftaħ negozju f’Malta tnaqqas minn tliet xhur għal tlett ijiem.
Meta rrifera għas-servizz tal-153, Dr Muscat qal li dan kien dgħajjef u llum ingħata l-ħajja mill-ġdida u l-aħħar statistika turi li kull xahar ikun hemm madwar 40,000 telefonata.
“L-idea tagħna issa hija li nkomplu mexjin għal servizz li jingħata 24 siegħa kull sebat ijiem u hekk se jkun hemm madwar 70 servizz li permezz tiegħu wieħed ikun jista’ jinqeda faċilment.
“Il-ħaddiema tas-servizz pubbliku, kull xahar, jirrapurtaw lill-ministru tagħhom f’hix wasal ix-xogħol fuq ċerti inizjattivi u kull ministeru qed jirraporta lill-Prim Ministru ħalli jkun jaf fejn qed jaqgħa lura x-xogħol u fejn qed ikun avvanzat.
“Permezz t’hekk, din is-sena l-gvern ippreżenta rappport li juri li twettqu 79% tal-miżuri mwiegħda fil-budget tas-sena l-oħra.
“Dan huwa eżerċizzju qawwi ħafna ta’ trasparenza u kontabilità,” qal Dr Muscat.