Kull sena, iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Iscreening jibgħat stedina għat-test tal-kanċer tas-sider lil madwar 26,000 mara li għandhom bejn 50 u 68 sena. Madanakollu huma biss madwar 13,000 li jilqgħuha. Ifisser li nofshom ma jilqgħuhiex.
It-tabiba Stephanie Xuereb li tmexxi dan iċ-ċentru qalet li l-biża’ hija raġuni ewlenija li twassalhom biex ma jilqgħux l-istedina:
“Jibżgħu li jweġġgħu – li hija xi ħaġa li vera teżisti, pjuttost skumdità, hemm min iweġġa’, imma l-mammogram huwa xi ħaġa li jieħu ftit ta’ żmien, imbagħad hemm min jibża’ li se jsib xi kanċer”.
Bil-magna li tagħmel il-mammogram fl-isfond, it-tabiba Xuereb spjegat li waqt it-test isir x-ray ta’ kull sider minn żewġ naħat: wieħed minn fuq għal isfel, u ieħor mill-ġenb.
Imbagħad, l-istampi diġitali jiġu analizzati minn żewġ radjoloġisti speċjalizzati.
Wara tliet ġimgħat, iċ-Ċentru jibgħat ittra lin-nisa li jkunu għamlu t-test, li r-riżultat tal-maġġoranza tagħhom ikun ġie normali, u għaldaqstant jerġgħu jirċievu stedina għal test ieħor sentejn u nofs wara.
Iżda jekk ikun hemm l-inqas suspett li hemm xi ħaġa ħażina, in-nisa jerġgħu jintalbu jagħmlu aktar testijiet:
“Jekk ikun hemm każ fejn iridu jsiru aktar testijiet nerġgħu nsejħu lil dawn in-nisa. Ħafna drabi ma jkun xejn, għax kulma jkollna bżonn nerġgħu nieħdu ritratt ieħor tas-sider jew nagħmlu ultrasound, imma jkollna dawk il-ftit każijiet fejn ikun hemm bżonn aktar testijiet u aħna għandna one-stop shop fejn dak il-ħin stess, ir-radjoloġista flimkien mar-radiographers jieħdu anki biopsy li mbagħad tintbagħat fil-laboratorji biex inkunu ċerti x’inhi l-problema fis-sider”.
Is-sena l-oħra feġġew 67 każ ta’ kanċer tas-sider fi stadju bikri minn pazjenti li wieġbu għas-sejħa:
“Il-fejqan ħa jkun aktar ħafif għax l-operazzjoni ħa tkun inqas invażiva u l-kura ħa tkun aktar effettiva għax taqbdu kmieni fejn l-affarijiet ma daħlux ’il ġewwa u jkunu laħqu nfirxu”.
Huwa għalhekk li jsiru kampanji regolari, għaliex aktar ma l-kanċer jinqabad kmieni, aktar ikun hemm ċans ta’ fejqan.