Sentenza ta’ ħabs għal żewġ nisa bulgari ġiet irrevokata mill-Qorti tal-appell u mibgħuta lura lill- Qorti tal-Maġistrati wara li sabet difetti serji fis-sentenza ta’ priġunerija.
L-Imħallef Giovanni Grixti li ppreseda l-Qorti tal-Appell ra kif Rusanka Dimitrova Staneva u Neli Ilieva kienu nstabu ħatja li serqu ammont ta’ flus kontanti u kards tal-bank, u li għamlu użu minnhom.
Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannathom 18-il xahar ħabs lura f’Mejju, u ordnat deportazzjoni tal-akkużati wara li huma jservu s-sentenza ta’ priġunerija. L-avukati difensuri, Joseph Gatt u Charlon Gouder, qalu li l-ewwel Qorti kienet applikat il-liġi b’mod skorrett filwaqt li għamlet referenza għal każ seperat t’attentat ta’ qtil li ma kellux x’jaqsam mal-każ taż-żewġ nisa.
Il-Qorti tal-Appell innutat li l-akkużati kienu ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom, iżda li l-ewwel Qorti naqset milli tuża l-proċedura tajba skond il-liġi.
L-Imħallef Grixti saħaq li l-Qorti ma setgħetx tagħti sentenza ta’ priġunerija lit-tnejn li huma mingħajr ma tispeċifika għaliex u liema artikli tal-liġi ġew miksura. Dan filwaqt li minħabba li l-akkużi ma kienux fil-kompetenza ordinarja tal-Qorti tal-Maġistrati, il-prosekuzzjoni kellha titlob il-permess tal-akkużati sabiex ikunu jistgħu ikomplu l-proċeduri fl-istess Qorti.
Minħabba li dan ma sarx, l-Imħallef Grixti saħaq li ma kellu l-ebda għażla oħra ħlief li jirrevoka s-sentenza u jibgħat il-każ lura fl-ewwel Qorti sabiex jerġa jibda jinstema’.