Mil-lum bdiet tinġabar il-borża l-bajda tal-iskart mill-ikel dan bħala parti mill-proġett pilota tas-separazzjoni tal-iskart fl-ibliet u l-irħula kollha Maltin.Minkejja l-kampanja li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar ġimgħat, għalkemm eluf ħarġu l-borża l-bajda hekk kif mitlub, xorta waħda wħud ma segwewx il-linji gwida ta’ x’borża għandha tinħareġ fil-jum tal-Erbgħa.
Dan il-pass qed jitqies bħala pass kbir ‘il quddiem sabiex f’pajjiżna ndaħħlu l-ekonomija ċirkolari hekk kif 40% tal-iskart li jintrema huwa skart organiku, jiġifier skart li ġej mill-ikel u meta mormi fil-landfill iħalli impatt negattiv fuq l-ambjent.
Il-benefiċċji ambjentali għal Malta mis-separazzjoni tal-iskart organiku se jkunu sinifikanti. L-iskart miġbur hu użat għall-produzzjoni tal-enerġija, u se jwassal elettriku nadif lura lir-residenti. Projezzjonijiet minn WasteServ juru li fl-2019 se jinġabru 16,000 tunnellata ta’ skart organiku.
Il-ġbir tal-iskart organiku li se jsir kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa għandu jinkludi l-ikel imsajjar u nej inkluż l-għadam, il-ħut u l-frott tal-baħar, ħobż u għaġin, frott u ħaxix immuffati, qxur tal-frott u ħxejjex, boroż tat-te u kafè mitħun, qxur tal-bajd, srievet tal-karti u karti maħmuġin, weraq u fjuri.