“Pajjiżna jinsab għaddej minn perjodu ta’ tkabbir ekonomiku u tisħiħ soċjali li permezz tiegħu qed ikun garantit il-futur u għajxien ta’ kwalità għaċ-ċittadini kollha. Bħala General Worklers’ Union nistqarru li għalhekk huwa ta’ għajb li hawn min minn fostna qed ixerred ideat tal-lemin estrem u jipprova jippakkettahom bħala valuri tradizzjonali jew imħabba lejn in-nazzjon.”
Kien dan il-messaġġ tal-General Workers’ Union fejn fi stqarrija l-GWU qalet kif huwa aktar ta’ għajb u stmerrija li dan it-tip ta’ lingwaġġ qed isir fi sforz biex titqajjem il-biżgħa u l-mibgħeda lejn il-barranin li ġew jgħixu fostna, qed jaħdmu magħna u qed jikkontribwixxu għall-futur ta’ dawk l-eluf li ta’ kull sena jibbenefikaw mill-għajnuniet soċjali u mill-pensjonijiet. Diskorsi li jippromwovu immigrazzjoni selettiva, jew jagħmlu distinzjoni bejn il-ħaddiema barranin abbażi jekk humiex ġejjin mill-kontinent Ewropew, mill-Unjoni Ewropea, mill-Asja jew mill-Afrika, huma perikolużi għaliex qed ikunu fil-livell ta’ dawk il-partiti fl-Ewropa li jiksbu l-leġitimizzazzjoni mill-biżgħa li huma stess jiżirgħu fost il-poplu. Il-GWU spjegat kif il-klassi politika għandha responsabbiltà li twassal lil poplu fatti veri u mhux mibnija fuq konġettura ta’ x’nixtiequ li tkun ir-realtà. Diskorsi li jpinġu lil barranin bħala persuni li qed jimbuttaw l’isfel il-livell tal-pagi tal-ħaddiema huma ferm ’il bogħod mir-realtà għas-sempliċi raġuni li fejn hemm ħaddiema msieħba fil-union qatt ma jista’ jkollok diskriminazzjoni bejn il-ħlas li jingħataw il-ħaddiema Maltin u dak li jingħataw il-ħaddiema barranin. Il-ftehim kollettivi li tinnegozja l-GWU qatt ma jagħmlu distinzjoni bejn il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, reliġjon jew nazzjonalità tal-ħaddiema. Il-ftehim kollettivi jindirizzaw il-ġust remunerazzjoni tal-ħaddiema skont it-tip ta’ xogħol li jwettqu, u mhux min huma. Għalhekk tgħamel sens il-proposta tal-GWU li kull ħaddiem ikun imsieħeb fi trade union tal-għażla tiegħu.
Għalekk, għal dawn l-aħħar snin il-GWU spjegat kif minn dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tiddefendi u tippromwovi d-diversità fis-soċjetà tagħna. Il-Union temmen li d-diversità ssaħħaħna u tagħmilna aktar ippreparati għall-bidliet tal-futur. Għal GWU kull persuna għandu jkollha r-rispett, id-dinjità u s-solidarjetà fuq il-post tax-xogħol. L-ebda individwu mhu inferjuri għal ħaddieħor. Il-GWU għalhekk saħqet li diskorsi xenofobiċi u diskriminatorji jherru l-koesjoni soċjali ta’ pajjiż li qed jikber u qed isaħħaħ postu fost il-ġnus l-aktar avvanzati fid-dinja.