Fdalijiet tal-bniedem li nstabu fi proprjetà fil-Vatikan, jistgħu jsolvu misteru ta’ 35 sena ilu. L-għadam instab f’sit ta’ kostruzzjoni fl-ambaxxata tal-Vatikan għall-Italja biswit il-mużew famuż ta’ Villa Borghese f’Ruma.
Fi stqarrija tal-Vatikan ingħad li l-esperti qed jaħdmu biex jiddeterminaw l-età u s-sess tal-persuna li nstab l-għadam tagħha, u l-ġurnata li fiha miet jew mietet.
Il-midja Taljana qed tispekula li l-fdalijiet jistgħu jkunu taż-żagħżugħa Emanuela Orlandi – bint impjegat tal-Vatikan li kienet sparixxiet fl-1983.
Il-każ tal-għibien tat-tfajla ta’ 15-il sena huwa marbut ma’ kriminalità organizzata jew m’attentat biex jinħeles mill-ħabs it-Tork li pprova joqtol lill-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni fl-1981.