“Deep Shelter” – dan huwa l-isem ta’ proġett tal-Fondazzjoni Valletta elfejn u tmintax, li permezz tiegħu twaħħlu madwar tmenin biċċa ta’ arti mal-ħitan tal-isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo – li jilqa’ taħt saqaf wieħed il-kura tal-kanċer.
Iżda għaliex “Deep Shelter”?
L-artista Pamela Baldacchino – li hi wkoll għaddiet minn esperjenza ta’ mard kroniku, spjegat li meta persuna tkun marida tkun vulnerabbli, u tfittex l-empatija u s-sigurtà.
Għaldaqstant, aktar minn kollox, l-arti fl-isptar qed isservi ta’ terapija biex il-pazjenti jesprimu ruħhom aħjar.
“Meta tagħraf ċertu affarijiet tittriggerja l-memorja, il-passat, dak li tkun għaddejt minnu u iktar tkun tista’ titkellem fuq dak li tħoss”.
Kompliet tispjega li l-arti f’ambjent kliniku trawwem spazju aktar komdu u kkulurit għall-pazjent, fl-istess waqt li tnaqqas is-sens ta’ iżolament u ansjetà li l-pazjent ikun għaddej minnu.
Fl-aħħar xhur saret ħafna riċerka biex tiggwida l-għażliet tal-arti – b’mod partikolari mal-pazjenti, li permezz tagħha saru magħrufa diversi elementi li jikkalmaw lill-pazjenti.
“L-idea taċ-ċirku, li inti tgħaddi mill-ħajja f’tipi ta’ żminijiet differenti. Għandek il-preżenza tal-bniedem. Għandek il-kuluri tan-natura li jserrħu. Għandek il-baħar li dejjem jiġġedded”.
Il-proġett isegwi l-istejjer tal-pazjenti li joħorġu matul il-vjaġġ lejn il-fejqan tagħhom, li ta’ spiss jirriflettu sentimenti ta’ nostalġija għat-tfulija u x-xewqa għall-protezzjoni.
Fuq kollox, dan huwa l-legat li l-Valletta elfejn u tmintax trid tħalli warajha. Legat mhux biss mal-artisti, iżda anki ma’ nies fil-komunita, kif spjegat id-Direttur Eżekuttiv Catherine Tabone.
“Nies li għaddejjin minn żmien diffiċli u li huma vulnerabbli u naraw kif intuhom l-arti f’ħajjithom biex kemm jista’ jkun nimmeljoraw dak li jkunu għaddejjin minnu”.