L-anzjan li tilef ħajtu traġikament f’Wied iż-Żurrieq huwa Rokku Bonnici, sajjied ta’ 85 sena miż-Żurrieq stess li f’Ġunju li għadda kien rikonoxxut b’ġieħ iż-Żurrieq, wara li anqas minn sentejn ilu salva persuna mill-għarqa.
“Id-destin ried li llum, il-baħar jieħu lilu”, qal is-Sindku taż-Żurrieq, Natius Farrugia, meta f’messaġġ fuq il-midja soċjali sellem il-memorja tas-sajjied qalbieni.
Jidher li Bonnici kien qed jistad meta mewġa kbira ġibditu għal ġol-baħar. L-Armata tellgħet lill-anzjan mill-baħar permezz ta’ ħelikopter għall-ħabta tas-06.45. Huwa kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.