F’dik li kienet l-ewwel intervista fuq NET FM wara l-Baġit, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kompla juri li huwa maqtugħ mir-realtà li qed jgħixu n-nies f’pajjiżna.
Dan hekk kif il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tul intervista ta’ ftit inqas minn nofs siegħa ntilef f’dagħdiha ta’ negattività partikolarment mmirata lejn il-Baġit ta’ nhar it-Tnejn li għadda.
Delia beda billi sostna li dan tal-aħħar kien Baġit li ma jħarisx il-quddiem minkejja li fih ħafna miżuri ġodda bla preċedent fost oħrajn iż-żieda ta’ ġurnata oħra leave, iż-żieda fiċ-children’s allowance u ż-żieda fil-pensjonijiet. Minkejja li ftit tal-jiem ilu pajjiżna rreġistra l-għola rata ta’ surplus fl-Ewropa, Delia baqa jsostni li dan il-Gvern ħoloq il-faqar tant li l-Maltin qas biss fadlilhom but.
Huwa kompla jikkritika l-proġetti Infrastrutturali f’pajjiżna fejn saħansittra qal li Gvern immexxi minn Joseph Muscat mhux jonfoq fuq t-toroq. Dan minkejja li fil-baġit għall-2019 il-Gvern se jinvesti €100 miljun għall-bini ta’ toroq ġodda bħala parti mill-wegħda elettorali biex jinbnew it-toroq kollha ta’ Malta.
B’reazzjoni għad-diskors ta’ Adrian Delia, il-Partit Laburista qal li l-pajjiż qed igawdu minn dan is-suċċess grazzi għal niesu. Punt li Delia jidher li għadu ma fehemx. Minkejja l-kritika ta’ Delia fuq dan l-aħħar baġit, il-Partit Laburista nnota li apparti n-negattività li sawret id-diskors tiegħu xorta baqa’ ma providiex soluzzjoni tanġibbli waħda għall-isfidi tal-pajjiż.