Filli tobrox u tivvandalizza t-tempji tal-Ġgantija u filli ssib ruħha taħdem qalb il-wirt storiku ta’ pajjiżna. Dan nistgħu ngħidu li huwa każ ta’ suċċess għaliex mara li nstabet ħatja li wettqet ħsara fuq it-tempji li jmorru lura għal aktar minn 5,000 sena, issa tassew irriformat ruħha u qed tagħmel xogħol fil-komunità ma’ Heritage Malta.
Abir Djebali kienet tressqet il-Qorti f’Settembru ta’ sentejn ilu fejn ġiet mixlija li b’mod involontarju għamlet ħsara fuq it-tempji neolitiċi.
Hija kienet barxet xi kliem ta’ imħabba indirizzati lejn il-maħbub tagħha, li kien qed jakkumpanjaha dakinhar u anke ffaċja akkużi li prova ifixkel lill-awtoritajiet.L-akkużata kienet sostniet li minħabba problemi fil-lingwa ħasbet li setgħet tħażżeż fuq il-ġebel wara li anki rat quddiemha għexieren ta’ brix ieħor fuq il-ġebel. Dan il-każ kien qajjem rabja kbira u ġab il-kundanna ta’ bosta, iżda l-mara sa anke kitbet ittra fejn skużat ruħha.
Hawnhekk, il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li dan il-każ irid jittieħed fil-perspettiva u ma jistax jitqies bħala xi delitt kontra l-umanità.
Huwa għalhekk li l-Qorti rrakomandat li l-mara tagħmel xogħol ta’ 240 siegħa fil-komunità ma’ Heritage Malta. Dan għaliex id-dannu li sar kien fil-konfront ta’ wirt storiku li tindokra Heritage Malta, temm jgħid il-Maġistrat Mifsud.