Ikomplu jinkixfu rregolaritajiet mill-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa hekk kif l-Eks impjegat tiegħu issa qed isostni li l-MEP Nazzjonalista allegatament alloka aktar minn €100,000 f’paga għalih mingħajr qatt ma jirċievi l-ammont kollu.
Dan hekk kif huwa jistqarr li fl-2009 daħħal biss bejn €35,000 u €40,000 bil-bqija tal-flus baqgħu miżmuma fl-uffiċċju ta’ Casa.
Irrapurtat dan il-gażżetta MaltaToday ġimgħa wara li l-eks impjegat, msejjaħ whistleblower, kiteb lill-OLAF biex jikxef irregolaritajiet finanzjarji li mexxa Casa fl-aħħar snin.
Fil-kitba tiegħu lill-OLAF il-whistleblower żied jgħid li regoli ġodda tal-istatut tal-Parlament Ewropew jallokaw €92,000 għall-pagi tal-impjegati tal-MEPs, ammont ferm inqas minn dak suppost allokat għall-eks assistent ta’ Casa.
Madankollu dokumenti relatati ma’ taxxa żvelati mill-MaltaToday jikxfu kif fl-2009 il-whistleblower kien qed jitħallas iktar minn €100,000. Paga li saħansittra lanqas membri Ewroparlamentari ma jagħmlu f’sena.
B’hekk permezz ta’ din l-inflazzjoni fil-pagi, l-uffiċċju ta’ Casa jkun intitolat iżomm porzjoni ikbar mill-€270,000 allokati mill-Parlament Ewropew għall-ħlas tal-pagi tal-impjegati tal-Ewroparlamentari.
Fi stqarrija b’risposta għal dawn l-allegazzjonijiet, Casa qal li li l-uniku ftit verità hi li l-paga ta’ Brussell ta’ wieħed mill-impjegati bdiet tingħata bħala paga f’Malta, peress li għaxar snin ilu l-persuna ntbgħatet minn Brussell lejn Malta.
Intant, il-kumpanija responsabbli mill-ħlas tas-salarji fl-Uffiċċju ta’ David Casa qalu li dawn l-allegazzjonijiet huma biss fabbrikazzjoni u sostnew li l-impjegati fi ħdan l-uffiċċju ngħataw is-salarji tagħhom skont il-kuntratt tal-impjieg tagħhom.
Din l-allegazzjoni issegwi d-dikjarazzjoni li l-istess whistleblower għamel f’affidavit ġuramentat dwar il-vizzju tad-droga kokaina li kellu Casa bejn l-2009 u l-2017.
Fl-avvidavit l-eks assistant saħansitra qal li fi tmiem il-ġimgħa Casa kien iqatta l-iljieli f’lukandi fejn kien jiġi persuna partikolari jbiegħ id-droga kokaina lil Casa, li min-naħa tiegħu kien iħallsu fil-pront. Żied jingħad li f’dawn is-sessjonijiet Casa kien jonfoq bejn €600 u €700.