“Il-Kap tal-Oppożizzjoni jrid jiddeċiedi xi jrid jgħid: irid jgħid li jeżisti inċest bejn żewġ persuni f’karigi kostituzzjonali, jew inkella jrid jgħid li dawn giddbu lil xulxin? Il-verità hi la waħda u lanqas l-oħra.”
Qal dan fi stqarrija l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali fejn qal kif ma jeżisti ebda inċest kostituzzjonali anke għaliex kif ġie spjegat ilbieraħ fil-Qorti, id-diversi persuni li jokkupaw karigi kostituzzjonali aġixxew b’mod kompletament awtonomu wieħed mill-ieħor.L-istqarrija tgħid kif ħadd ma giddeb lil ħadd għaliex il-Ministru Bonnici kkonferma li wara li huwa ngħata aċċess mill-avukat tal-Prim Ministru għal kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant is-Sibt 21 ta’ Lulju, 2018 biex jassisti lill-Prim Ministru fil-ħidma tiegħu, jumejn wara fuq talba tal-istess Ministru Bonnici, l-Avukat Ġenerali għaddielu soft-copy tal-istess inkjesta b’mod elettroniku.
Min-naħa tiegħu l-avukat tal-Prim Ministru kien kiseb kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant wara talba li kien għamel lill-Avukat Ġenerali s-Sibt stess, liema talba ntlaqgħet mill-Avukat Ġenerali.
L-istqarrija temmet tgħid li l-Ministru Owen Bonnici qed jappella lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex ikun leali lejn il-fatti. “Waqt li l-opinjoni hi ħielsa, il-fatti huma sagri.”