Il-Parlament Ewropew ma għandux jippermetti proċeduri politiċizzati li permezz tagħhom jiġu investigati allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ valuri fundamentali fl-Istati Membri tal-UE. Dan qalu Alfred Sant fil-Parlament Ewropew meta insista li b’mod urġenti għandu jinħoloq mekkaniżmu meqjus minn kulħadd bħala oġġettiv, ġust, trasparenti u magħmul apposta biex jikkoreġi l-ksur tal-liġi waqt id-dibattitu dwar il-ħtieġa tad-Demokrazija, il-liġi tad-dritt u l-mekkaniżmi favur id-drittijiet umani.
“Żdied ir-riskju li allegazzjonijiet ta’ ksur tal-valuri fundamentali li ngawdu jiġu strumentalizzati mill-politiċi għal raġunijiet partiġjani. Dawn imbagħad jiġu promossi f’livelli Ewropej biex titħeġġeġ kritika diretta lejn il-gvern tal-ġurnata. Rajt dan jiġri f’pajjiżna Malta. U rajt dan iseħħ ukoll f’din il-Kamra. Ma nistax neskludi li l-istess jiġri għal Stati Membri oħra.”
Dr Sant qal li l-evalwazzjoni dwar jekk id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali humiex jinkisru sistematikament tiddependi minn analiżi tal-fatti disponibbli u ippruvati bl-evidenza. Ħafna drabi pero` l-evalwazzjoni qed tiddependi fuq punti ta’ fehmiet suġġettivi adottati għal raġunijiet politiċi.