L-Ewropa m’għandhiex tħalli l-isfidi li jġibu magħhom il-preokkupazzjonijiet dwar il-flussi tar-refuġjati u tal-migranti u dwar is-sigurtà jwaqqfuha milli tiżviluppa relazzjonijiet aħjar mal-ġirien tagħha tan-Nofsinhar, li jeħtieġ li jitrawmu fuq il-bażi ta’ aġenda ta’ sħubija bi prijoritajiet komuni li jindirizzaw l-interessi usa’ taż-żewġ naħat, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela, waqt il-ħames edizzjoni tal-Warsaw Security Forum(WSF), li jsir kull sena fil-kapitali Pollakka, Varsavja.
Il-WSF hija konferenza internazzjonali ewlenija ffukata fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà dinjija, materji militari, theddidiet ċibernetiċi, il-koperazzjoni trans-Atlantika, kif ukoll l-isfidi u l-opportunitajiet li jeżistu mhux biss għall-Polonja iżda wkoll għar-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kollu kemm hu. Il-konferenza, li din is-sena kellha t-tema For the World’s Secure Future, torganizzaha l-Fondazzjoni Casimir Pulaski, grupp ta’ esperti indipendenti li jispeċjalizzaw fil-politika barranija u fis-sigurtà internazzjonali. Malta ġiet mistiedna tieħu sehem għall-ewwel darba f’din il-konferenza sabiex taqsam mal-parteċpanti l-perspettiva Ewro-Mediterranja filwaqt li tifhem aħjar it-tħassib tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant rigward is-sigurtà.
Meta kien qed jagħmel id-diskors tal-ftuħ ta’ sessjoni bit-tema ‘Migrazzjoni, Konfrontazzjoni, Koperazzjoni – Realtajiet u Relazzjonijiet mal-Viċinat tan-Nofsinhar’, il-Ministru Abela nnota li s’issa din is-sena l-wasliet fl-Ewropa ta’ migranti mhux awtorizzati fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali kienu madwar 80 fil-mija inqas milli kienu fl-2017. Fl-istess ħin, iżda, il-proporzjon ta’ dawk li jitilfu ħajithom waqt li jkunu qed jippruaw jaqsmu l-Baħar Mediterran, li sfortunatament diġà sar qabar għal wisq nies, żdied f’daqqa. Madankollu, saru wkoll żviluppi pożittivi, bħall-Patt Globali dwar il-Migrazzjoni, li huwa l-ewwel ftehim globali tan-Nazzjonijiet Magħquda fuq mod komuni kif tiġi indirizzata l-migrazzjoni internazzjonali.
“Jeħtieġ li l-migrazzjoni tkun għażla għal dak li jkun, mhux neċessità. Dan ilna ħafna ngħiduh; issa wasal iż-żmien li nwettqu aktar milli nitkellmu,” qal il-Ministru Abela. “Jekk nindirizzaw id-diskrepanzi fis-suq tax-xogħol tagħna billi noħoqlu mezzi legali għall-migrazzjoni, li jkunu disponibbi reġjonalment, inkunu qed nippromwovu l-flussi migratorji rregolati filwaqt li niżguraw li l-impjegar isir b’mod regolarizzat u jkun jista’ jindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema b’mod adegwat għall-benefiċċju kemm tas-sid kif ukoll tal-ħaddiem.”
Meta ħa sehem fid-dibattitu bl-istess tema waqt is-sessjoni, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li r-relazzjonijiet tal-Ewropa mal-pajjiżi tal-Afrika m’għandhomx ikunu bbażati biss fuq il-fatt li huma pajjiżi minn fejn jitilqu u jgħaddu l-migranti fi triqithom lejn l-Ewropa. Ikun ta’ benefiċċju għaż-żewġ kontinenti jekk jaħdmu flimkien bħala partners awtentiċi u ugwali fuq materji differenti, inklużi l-kummerċ u l-investiment.
Fil-marġini tal-WSF, il-Ministru Abela kellu l-opportunità li jiltaqa’ ma’ diversi mill-parteċipanti ta’ livell għoli, inkluż mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Pollakk Jacek Czaputowicz. Huwa ħa din l-okkażjoni biex introduċielu lill-Ambaxxatur il-ġdid ta’ Malta għall-Polonja John Paul Grech. Il-Ministru ġie wkoll intervistat minn Polskie Radio, l-organizzazzjoni nazzjonali Pollakka tax-xandir bir-radju, primarjament dwar l-isfidi tal-migrazzjoni irregolari.