Il-Kap tal-midja tal-Partit Nazzjonalista reġa’ nstab ħati mill-Qorti li xerred aħbarijiet li kien jaf li kienu foloz. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Qal li Pierre Portelli, l-iktar bniedem fdat minn Adrian Delia fil-Partit Nazzjonalista, kien ċentrali f’kampanji ta’ qerq kontra individwi li kienu parti mill-kumplott ta’ Simon Busuttil kontra pajjiżna. Wara l-inkjesta Egrant issa hemm konferma oħra tal-qerq ta’ Pierre Portelli.
L-istqarrija tgħid li meta kien qed jipprova jgħin lill-Partit Nazzjonalista jirbaħ l-elezzjoni bil-gideb, taħt l-impressjoni li hu xi ġurnalist indipendenti, Pierre Portelli ħadem ma’ Daphne Caruana Galizia fuq stejjer li issa qed jirriżulta bil-fatti li kienu maħduma biex iweġġgħu individwi bil-gideb.
F’dan il-każ allega li kien hemm dokumenti foloz fil-bank HSBC fuq isem Keith Schembri ċ-chief of staff tal-Prim Ministru u persuna oħra.Il-Partit Laburista qal li mill-kawża, fejn Pierre Portelli iddeċieda li ma jixhidx, irriżulta b’mod ċar li dak allegat ma kienx minnu u iktar minn hekk li Pierre Portelli kien mgħarraf b’dan minn uffiċjali tal-bank innifsu. Minkejja dan Portelli baqa’ għaddej bl-istorja oriġinali biex jagħmel ħsara lil Schembri u jilħaq l-għanijiet politiċi tiegħu.
Qal li jidher li Portelli għandu karriera ta’ ċirkostanzi fejn jagħmel użu minn informazzjoni iffalsifikata u mhux minnha. Informazzjoni li rikeb fuqha wkoll il-Partit Nazzjonalista qabel u wara l-aħħar elezzjoni ġenerali. Il-Partit Laburista jfakkar li anke l-Ministru Konrad Mizzi rebaħ libell simili ftit tax-xhur ilu kontra l-istess gazzetta fi żmien li kien imexxi Portelli.
Il-PL temm jgħid li biex illum qed ikompli jirriżulta li kien hemm pjan mibni fuq il-gideb u l-akkużi foloz bil-għan li jkun imminat il-gvern. Pjan li laħaq il-qofol tiegħu bil-gidba Egrant. Adrian Delia għandu jgħid minnufih x’passi se jkun qed jieħu fil-konfront ta’ min fuq akkużi foloz beda kampanja maħsuba biex tweġġa’ l-pajjiż.