L-istat li fih tħalla l-katavru ta’ Shannon Mak, it-tfajla li allegatament inqatlet mill-eks sieħeb tagħha f’Awwissu li għadda, ma ħalliex lill-pulizija tidentifikawha mal-ewwel minħabba d-daqqiet ta’ sikkina li qalgħet it-tfajla.
Dan ħareġ aktar kmieni llum fil-Qorti, hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Jelle Rijpma, li qed ikun akkużat bil-qtil makabru tagħha.
L-Ispettur Fabian Fleri fakkar lill-Qorti li Mak instabet f’għadira demm, u li l-pulizija setgħet tidentifikaha biss minħabba wristband li nstabet ftit ‘il bogħod mill-katavru tagħha. Intqal kif din kienet tal-kumpanija li magħha Shannon Mak kienet impjegata, u ngħatat lil kull impjegat li attenda festin fil-lejl ta’ qabel il-qtil. Żied jingħad li waqt l-investigazzjoni, 2,000 ritratt minn dan l-istess festin kellhom jiġu analizzati biex tkun identifikata l-vittma.
Intant, Jelle Rijpma qed ikompli jwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.