Waqt konferenza stampa fl-20 ta’ Ottubru 2018 il-koalizzjoni ta’ NGOs, li fi Frar ta’ din is-sena kienet ippreżentat il-Proposta għal Regolamentazzjoni tal-Kera f’Malta, qalet li qed tilqa’ l-White Paper li ġiet ippubblikata dwar ir-regolamentazzjoni tas-settur tal-kera privata fejn innutaw u ikkunsidraw b’mod pożittiv il-fatt li bosta proposti tagħhom ġew milqugħa.
‘Dan huwa pass ‘il quddiem pożittiv’, saħqet il-koalizzjoni.
Iktar importanti minn hekk, permezz ta’ analiżi bir-reqqa tas-swieq tal-kera f’Malta u barra minn Malta, din il-White Paper ixxejjen numru ta’ leġġendi, bħal pereżempju l-kunċett li rregolamentazzjoni tal-kera hija illegali jew li se tneħħi l-inċentiv lis-sidien tal-kera biex jikru l-proprjetajiet tagħhom. Fil-fatt, ir-regolamentazzjoni tal-kera teżisti kważi fl-Istati kollha tal-UE.
Il-White Paper tirrikonixxi illi, attwalment, is-settur tal-kera privata mingħajr regolamentazzjoni sempliċiment mhuwiex jaħdem, u qed iwassal għal insigurtà u tbatija fuq skala wiesgħa. Ir-regolamentazzjoni hija meħtieġa sabiex ikunu possibbli kuntratti itwal u jiġu stabbiliti d-drittijiet u l-obbligi tal-inkwilini u ta’ sidien il-kera, sabiex tinkiseb iktar stabbiltà u serħan il-moħħ għaż-żewġ naħat.
Il-koalizzjoni tal-NGO’s saħqet li għandu jiġi enfasizzat li kwalunkwe leġiżlazzjoni u regolamenti tal-futur li huma bbażati fuq il-White Paper li ġiet ippubblikata, filwaqt li jikkostitwixxu pass ‘il quddiem pożittiv, mhumiex se jsolvu l-problemi kollha assoċjati mas-suq tal-kera privata f’Malta. Pereżempju, peress li l-White Paper tiffoka fuq il-kwistjoni tal-istabbiltà permezz ta’ kuntratti itwal, din tindirizza biss b’mod marġinali l-kwistjoni tal-prezzijiet eżorbitanti tal-kera.
Saħqu wkoll li jinsabu fi qbil totali mal-proposti tal-White Paper fir-rigward tal-istabbiliment ta’ aġenzija pubblika responsabbli mill-kirjiet residenzjali privati, is-sussidji, id-dikjarazzjoni tal-flus depożitati, l-għoti ta’ mudell (template) standard għall-kuntratti u l-aċċess tal-inkwilini għall-kontijiet u s-servizzi tad-dawl u l-ilma.
Għalkemm il-White Paper tiffoka fuq qafas li jirregola l-kuntratti tal-kera privata, tinkludi wkoll numru ta’ proposti interessanti fir-rigward tal-provvista ta’ unitajiet għall-kiri. L-NGO’s qed jaqblu mal-kunċett tal-White Paper li l-provvista ta’ housing m’għandhiex tiddependi totalment fuq is-settur privat. Saħqu li l-Gvern u t-tielet settur għandhom rwol importanti fil-provvista ta’ housing affordabbli. Minbarra social housing, l-istat u l-organizzazzjonijiet “non-profit” għandhom jibnu unitajiet li jistgħu jinkrew bi prezzijiet affordabbli filwaqt li jiġġeneraw dħul mill-kera. Dan għandu jżid il-provvista tal-housing, iżid id-dħul tal-istat u jżid l-affordabbiltà. Ma naraw ebda benefiċċju kollettiv minn sħubijiet pubbliċi-privati (PPP) għal dawn il-proġetti.
Il-koalizzjoni ta’ Ngo’s jittamaw li jkomplu l-parteċipazzjoni tagħhom fid-diskussjoni dwar ir-regolamenti tal-kera f’Malta u l-promulgazzjoni ta’ qafas regolatorju tal-kera li jiżgura l-ġustizzja soċjali u joffri serħan il-moħħ għal kulħadd.