Statistika tal-Eurostat turi li fit-tieni kwart tas-sena, Malta kienet fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li rnexxielha tnaqqas id-dejn tal-Gvern kemm meta mqabbel mat-tliet xhur ta’ qabel kif ukoll paragun mad-dejn li kellha fl-istess tliet xhur matul l-2017.
Skont din l-istastika tal-Unjoni Ewropea fit-tieni kwart ta’ din is-sena, id-dejn tal-Gvern Malti kien ta’ €5,735 miljun ewro, ekwivalenti għal 49.6% tal-Prodott Domestiku Gross.
Fl-istess perdjou tal-2017, Malta kellha dejn ta’ €5,862 miljun li kien ftit aktar minn 55% tal-Prodott Domestiku Gross.
Miċ-ċifri joħroġ li meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, id-dejn nazzjonali naqas b’5.5% tal-Prodott Domestiku Gross u bi kważi wieħed fil-mija meta mqabbel mal-ewwel tliet xhur tas-sena.
Kienu biss erba’ pajjiżi oħra li rnexxielhom inaqqsu d-dejn b’rata akbar minn ta’ Malta fosthom l-Islovenja li kienet l-aktar pajjiż li naqqas id-dejn, segwita mil-Litwanja b’6.5%, l-Irlanda b’6.4% u l-Portugall b’5.9%.
Fi statistika oħra, il-Eurostat kkonferma li bejn April u Ġunju li għadda, Malta b’4.9% kellha l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt is-surplus ta’ pajjiżna kien id-doppju ta’ dak osservat mil-Latvja li kellha t-tieni l-ogħla surplus wara Malta.