Wara li fl-aħħar xhur tlesta ħafna xogħol f’għadd ta’ toroq arterjali f’pajjiżna li għen biex jitħaffef it-traffiku f’bosta żoni ewlenin, matul is-sena d-dieħla l-Gvern se jinvesti €100 miljun għall-bini ta’ toroq ġodda bħala parti mill-pjan tal-Gvern li jinvesti €700 miljun biex jibni t-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex.
Il-Ministru għall-Finanzi qal li l-investiment li se jsir is-sena d-dieħla juri biċ-ċar l-importanza li lest joffri l-Gvern lil dan il-qasam li kien ilu fuq fomm kulhadd għal ghexieren ta’snin. Qal li n-nefqa tal-Gvern hija erba’ darbiet aktar milli kienet qabel.
Il-Professur Scicluna qal l-Gvern jinsab fiduċjuż li t-toroq li huma maħsuba li jsiru matul is-sena d-dieħla, isiru kollha u fi żmien stipulat.
Ħabbar li l-Gvern se jalloka miljun ewro għall-ewwel sena biex Infrastruttura Malta tibda proġett ta’ ġonna urbani li jsebbħu u jkunu post ta’ rikreazzjoni bħala parti mill-proġetti li jsiru.Il-Minsitru ħabbar ukoll li wara li tlestew bosta studji tekniċi, is-sena d-dieħla se jibda xogħol fuq il-mollijiet ta’ Bormla, Marsamxett u x-Xatt ta’ Tas-Sliema.
Il-Gvern qed jippjana wkoll li jilqa’ għall-isfida tal-parkeġġ. Għal dan il-għan se jdaħħal skemi ġodda li jħajjar żviluppaturi biex joħolqu parkeġġi ġodda l-aktar f’żoni urbani.
Il-Ministru għall-Finanzi ħabbar ukoll li mis-sena d-dieħla s-servizz ta’ trasport b’xejn bit-talinja card se jkun jista’ jibqa’ jintuża minn dawk li għalqu l-20 sena izda jkunu għadhom studenti full-time. It-tal-linja card b’xejn se tiġi estiza għal żgħażagħ ta’ 14 u 15-il sena.
Il-baġit għas-sena d-dieħla se jwettaq b’mod sħiħ il-wegħda tal-Gvern li jrodd il-VAT li tħallset żejda fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi bejn Mejju 2004 u l-2008. Fil-fatt is-sena d-dieħla l-Gvern alloka €4.9 miljun għal min irreġistra l-vettura fl-2008 biex b’hekk ikun radd €25 miljun lill-familji.
Il-baġit estenda wkoll bosta inċentivi fosthom l-eżenzjoni minn kull taxxa ta’ reġistrazzjoni lil kull min jixtri karozza elettrika jew hybrid u l-iskema ta’ skrappjar ta’ vetturi.