Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li għar-raba’ sena konsekuttiva l-Gvern se jgħolli l-pensjonijiet. Il-miżura se tiswa lill-Gvern €10 miljun, u se jgawdu minnha aktar minn 92,000 pensjonant.
Il-Ministru Scicluna qal li mis-sena d-dieħla l-Gvern se jagħti żieda ta’ €4.50 fil-ġimgħa li tinkludi l-kumpens għall-għoli tal-ħajja lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali, jiġifieri pensjonanti tal-irtirar, lir-romol, tal-invalidità u dawk li jirċievu l-pensjoni tal-età.
Il-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet li mhux se jkun intaxxat se jitla’ għal €14,434.
Tħabbar ukoll li l-eżenzjoni għal 4,500 pensjonant tas-servizz se tiżdied b’€200 ewro għal €2,466. Apparti dan tħabbar li mis-sena d-dieħla mal-2,200 pensjonant tas-servizz ta’ 72 sena jew aktar, se jibbenefikaw minn żieda ta’ madwar €11 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom tas-sigurtà soċjali.Il-Ministru għall-Finanzi żied iħabbar li 29,000 anzjan u anzjana li għalqu 75 sena se jerġgħu jirċievu għotja ta’ 300 fis-sena b’nefqa ta’ €9 miljun.
Mis-sena d-dieħla se jiżdied ukoll il-bonus li beda jingħata erba’ snin ilu lil dawk li ma ħallsux biżżejjed bolol u m’għandhomx pensjoni.
Il-Ministru Scicluna qal li dan il-bonus se jiżdied b’€50 ewro għal €200 fis-sena għal dawk li ħallsu aktar minn sena bolol iżda anqas minn 5 snin. Il-bonus ta’ dawk li ħallsu aktar minn 5 snin bolol se jiżdied għal 300 fis-sena. B’din il-miżura se jibbenefikaw madwar 12,500 persuna.
Il-baġit għas-sena d-dieħla jinċentiva l-persuni jibqgħu fid-dinja tax-xogħol wara li jagħlqu l-65 sena kemm fil-privat u issa wkoll fis-settur pubbliku.
Il-Ministru għall-Finanzi ħabbar li l-Gvern alloka €11-il miljun oħra biex jindirizza l-inġustizzja tal-imgħoddi u li se jinqasmu bejn 6,000 ruħ.
Fl-istess waqt se jiġi fi tmiemu l-proċess biex jitħallsu l-arretrati tal-pensjonijiet lill-eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board u l-werrieta tagħhom.