Il-budget imressaq għall-2019 qed ikompli jikkonsolida l-ġid iġġenerat f’ekonomija b’saħħitha.
Filfatt il-Ministru Edward Scicluna, saħaq fuq li l-Gvern se jkompli jqassam il-ġid għand kulħadd.
Miżura ewlenija li se tkun qed tolqot aktar minn 24,000 tifel u tifla, u 16,500 familja hija dik ta’ żieda fiċ-children’s allowance.
Din il-miżura se tagħti żieda sa massimu ta’ €96 fis-sena għal kull wild ta’ familji li jaqilgħu inqas minn €20,000
fis-sena.Din hija l-ewwel żieda fi kważi kwart ta’ seklu, li qed jagħti Gvern lil min għandu wild wieħed biss u l-ewwel żieda f’aktar minn 11-il sena għal min għandu aktar minn wild.
Bħal din is-sena, il-budget għas-sena d-dieħla se jkun anki qed jerġa’ jagħti ċekk b’rifużjoni tat-taxxa.
Bil-fatti l-Gvern se jkun qed jippremja l-bżulija u dawk kollha li jaħdmu biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u b’hekk se jintlaqtu aktar minn 20,000 persuna f’Malta.
Din il-miżura se tiġi tiswa lil Gvern €11.5 miljun.
Tikkumplimenta mal-inċentivi għall-ħaddiema hemm miżura ġdida fil-budget għal dawk li qegħdin bil-paga minima u rreġistrati bħala singoli għal fini ta’ taxxa.
Preżentament id-dħul li persuna ma kinitx tħallas taxxa fuqu kien ta’ €9,500 biex b’hekk persuna singola kienet tinqabad bit-taxxa wara li tirċievi l-bonuses statutorji.
Mis-sena d-dieħla l-ħlas ta’ taxxa jitla’ b’ €400 ewro għal €9,500, biex b’hekk ħaddiem bil-paga minima mhux se jibqa’ jħallas taxxa.
Il-budget isemmi wkoll il-ftehim storiku li kien sar bejn l-Gvern u l-imsieħba soċjali, kif ukoll il-unjins u min iħaddem sabiex tiġi aġġustata l-paga minima.
Dan ifisser li minbarra l-kumpens għall-għoli tal-ħajja li se jkun ta’ €2.33 ċentezmu fil-ġimgħa, il-ħaddiema bil-paga minima se jieħdu żieda oħra ta’ €3 fil-ġimgħa.
Għall-ewwel darba wkoll dawk li jaħdmu għal rashom li għal xi raġuni jkollhom jieqfu mill-attività tagħhom u jibdew jirreġistraw għax-xogħol, se jibda jkollhom id-dritt li jieħdu l-benefiċċju tal-qgħad skont il-kontribuzzjonijiet li jkunu ħallsu.
Il-Ministru ħabbar ukoll li l-Gvern se jkompli jwettaq wegħda elettorali, biż-żieda ta’ ġurnata oħra leave, biex issa telgħu għal jumejn.
Filfatt sa minn din is-sena, il-Gvern beda jagħti lura l-festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa li kienu ttieħdu minn Gvern Nazzjonalista.
Dawk li jiżżewġu wkoll se jnisslu tbissima fost l-istress li jġib miegħu l-preparamenti tat-tieġ hekk kif l-għotja fuq spejjeż tat-tieġ se titla’ b’ €250.
Il-budget ħaseb ukoll fil-forzi tal-ordni u dawk tas-sigurtà li mhux biss jaħdmu mal-Gvern.
Filfatt il-budget iħejji biex jingħataw benefiċċji lil dawn in-nies jew lil familji tagħhom, f’każ ta’ inċident fatali jew diżabilità permanenti.