Fid-dawl tal-awdizzjoni ta’ wieħed mill-kontestanti li xxandret fuq il-programm X Factor, ilbieraħ il-Ħadd, 21 ta’ Ottubru, il-gvern fi stqarrija tenna li l-liġi Maltija tistipula li kull orjentazzjoni sesswali, identità tal-ġeneru u espressjoni tal-ġeneru ta’ kull persuna f’Malta hija waħda valida u l-ebda waħda minnhom ma tirrikjedi bidla jew soppressjoni.
Filwaqt li l-gvern ikkundanna kull kumment omofobiku ta’ din ix-xorta, huwa fatt li x-xandir ta’ dan il-messaġġ mingħajr ebda kumment dwar il-ħsara tal-hekk imsejħa “terapiji ta’ konverżjoni” kien wieħed ta’ ħsara kbira u li jpoġġi f’riskju lil dawk iż-żgħażagħ li huma vulnerabbli għal tali prattiċi minkejja li Malta adottat liġijiet stretti f’dan ir-rigward fl-2016.Spjega kif dawk iż-żgħażagħ li bħalissa għaddejjin bil-proċess tal-coming out tagħhom u għandhom diffikultà għandhom ifittxu l-għajnuna. Tali għajnuna teżisti wkoll għal dawk il-ġenituri li għadhom isibuha diffiċli sabiex jaċċettaw u jaslu f’punt fejn jiċċelebraw l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew l-espressjoni tal-ġeneru ta’ uliedhom. Għall-għajnuna jistgħu jċemplu fuq 22263225 u jitkellmu direttament ma’ rappreżentant tat-Taqsima SOGIGESC li l-gvern waqqaf sabiex isaħħaħ id-drittijiet u r-rispett lejn il-persuni LGBTIQ f’Malta.
Persuni LGBTIQ m’għandhom bżonn l-ebda fejqan jew maħfra sempliċiment minħabba dak li jifforma parti integrali mill-personalità tagħhom. L-orjentazzjoni sesswali mhijiex stil ta’ ħajja imma xi ħaġa li għandha kull persuna u timmanifesta ruħha fil-ġibda affettiva u sesswali lejn ġeneru u/jew ieħor.