92,000 pensjonant se jkun qed jieħu żieda ta’ €4.50 fil-ġimgħa.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fejn spjega kif fl-2019 il-Gvern se jkun qed jagħti żieda ta’ €2.17 fil-ġimgħa lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali, ċioeˋ pensjonanti tal-Irtirar, Romol, tal-Invaliditaˋ u dawk li jirċievu l-Pensjoni tal-Età. Spjega kif din iż-żieda se tkun barra dik maħsuba biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja. B’ hekk kull pensjonant se jieħu żieda ta’ €4.50 fil-ġimgħa.
Il-Ministru Scicluna spjega kif ċertament li dan il-Gvern qatt ma nesa lill-pensjonanti. Wara li l-pensjonanti ħassewhom delużi li għal ħamsa u għoxrin sena sħaħ kienu minsijin u ma ngħataw l-ebda żieda, fl-aħħar tliet snin, il-Gvern daħħlu diversi miżuri għal firxa wiesgħa ta’ pensjonanti li wasslu biex il-pensjonanti reġgħu bdew jaraw żidied fil-pensjoni tagħhom.
Spjega kif is-sena d-dieħla, għar-raba’ sena wara l-oħra, se nerġgħu ngħollu l-pensjonijiet, miżura li ser tiswa €10 miljun.
Il-Minsitru qal kif biex iż-żieda li qed tingħata fil-pensjonijiet inkluż iż-żieda tal-COLA ma tkunx intaxxata għas-sena d-dieħla, il-Gvern se jerġa’ jgħolli l-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet, li mhux se jkun intaxxat, għal €13,434.