It-tim multidixxiplinarju fi ħdan il-Kura tas-Saħħa Primarja għaddej bi pjan ta’ restawr u investiment fl-erbgħa u ħamsin berġa tas-saħħa madwar Malta u Għawdex.
Dan bil-għan li lil’hinn miċ-Ċentri tas-Saħħa li jinsabu f’lokalitajiet strateġiċi, il-pazjenti jkunu jistgħu jirrikorru għal servizzi aktar qrib u aċċessibbli fil-komunità.
Iżda l-ħidma fil-bereġ tmur lil’hinn mir-riġenerazzjoni. F’diversi bereġ qed jiżdiedu s-servizzi – fosthom dawk ta’ speech and language, nutrition, lifestyle u occupational therapy.Qed tkun diskussa wkoll il-possibilità li jiġu estiżi l-ħinijiet tal-ftuħ, ħalli dawk li ma jkunux jistgħu jmorru filgħodu, ikollhom għażla li jmorru f’ħinijiet oħra konvenjenti għalihom.
Aktar minn hekk, hemm skema ta’ devoluzzjoni biex dawk il-bereġ li ma jkunux jistgħu jibqgħu joperaw minħabba l-qagħda mwiegħra li jkunu jinsabu fiha, fejn possibbli, jimxu għall-binja tal-Kunsill Lokali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja spjegat ma’ dan l-istazzjon kif dan diġà beda jsir bħala parti minn proġett pilota.
Qalet li “Din ħadmet u fil-ġimgħat li ġejjin se niffirmaw memorandum of understanding bejn il-Primary Health Care u l-Local Council Association ħalli nagħtuha aktar saħħa u taqa’ taħt umbrella iktar b’saħħitha.”
Wara li fl-aħħar ġimgħat tlesta x-xogħol fuq il-bereġ tax-Xewkija f’Għawdex, u ta’ Ħaż-Żebbuġ, bħalissa għaddej xogħol fuq il-berġa ta’ Marsaxlokk, biex ix-Xlukkarji wkoll ikollhom berġa b’faċilitajiet aktar moderni.
Camilleri spjegat kif “Il-pjan hu li nlestuha fi żmien ta’ ftit ġimgħat, naraw x’servizzi nistgħu nestendu. Tabib u nurse u speech and language se jkun hemm żgur għax diġà qegħdin hemmhekk, imbagħad naraw x’servizzi nistgħu nestendu ġol-berġa ta’ Marsaxlokk ukoll.”