Buddy, Logan, Luna u Shadow huma erbat iklieb li qed jipprovdu terapija għall-anzjani bid-dimensja li jgħixu fir-residenza tas-Simblija fin-Naxxar.
Dlonk kif jirfsu ’l għatba ta’ din ir-residenza, dawn il-klieb jintlaqgħu b’ferħ u mħabba kemm mir-residenti anzjani kif ukoll mill-ħaddiema.
Waħda mill-Handlers tal-K9 Urban Search and Rescue Malta, spjegat li dawn il-klieb huma mħarrġa speċifikament biex jgħinu lis-soċjetà f’forma ta’ terapija.Spjegat kif “Inizjalment bdejna nittrenjaw il-klieb biex ifittxu n-nies li jintilfu; jista’ jkun patient b’dimensja, żagħżugħ li jintilef, jindarab jew xi ħaġa jew oħra imbagħad bdejna naraw il-bżonn kbir biex dawn il-klieb jgħinu ħafna għas-soċjetà…in partikolari l-anzjani.”
Waħda mill-carers fid-dar tal-anzjani qalet x’wassalhom jibdew jieħdu l-klieb mal-anzjani.
Qalet li “Naraw effett kbir fuq dawn in-nies għax in-nies bid-dimensja jibbondjaw ħafna mal-klieb, narawhom ferhanin ħafna u jkollhom dik il-bond mal-kelb.”
Kim Agius – parti mit-tmexxija tas-Simblija Care Home, qalet li t-terapija bl-annimali hija waħda minn bosta attivitajiet li jsiru għall-benefiċċju tar-residenti kollha – b’mod partikolari dawk fil-ward tad-dimensja, “Butterfly Memory Support Unit”.
Agius spjegat kif “Il-Pet therapy huwa wieħed mill-ħafna attivitajiet li aħna noħolqu fil-ward li għandna speċjalizzata għad-dimensja. Hija jisimha ‘il-Memory Butterfly Support Unit’; hija ward li kemm fid-dekor tagħha kemm fl-istaff kollha huma speċjalizzati għal nies li għandhom id-dimensja, u dawn għandhom attivitajiet kważi kuljum jiġifieri biex jgħinuhom kemm mentalment, kemm fiżikament u kemm anke emozzjonalment”