Rapporti fil-midja Brittanika fl-aħħar sigħat qed jgħidu li l-Prinċep tal-Arabja Sawdija Mohamed bin Salman hu interessat li jixtri lill-klabb ġgant tal-Ingilterra Manchester United.
Minkejja li bħalissa l-Prinċep u l-pajjiż li jmexxi qedgħin taħt il-lenti tal-kommunità internazzjonali minħabba l-mewt tal-ġurnalist Jamal Kashoggi, qed ikun rapurtat li d-dinastija Sawdija li tmexxi l-pajjiż hija lesta li toffri £4 biljun sabiex takkwista l-klabb mingħand il-familja Glazer li ilha sid il-klabb sa mill-2005.Il-Prinċep Bin Salman huwa stmat li għandu fortuna li tlaħħaq qrib id-$900 biljun. L-akkwist mill-familja Saud kapaċi jagħmel lill-United l-iktar klabb tal-futbol sinjur fl-Ingilterra, iktar mir-rivali Manchester City li huma taħt it-tmexxija tal-familja rjali ta’ Abu Dhabi.
Kull ftehim potenzjali jrid jgħaddi taħt l-iskrutinju tal-Premier League Ingliż kif ukoll dak tal-Gvern Ingliż. Huwa mifhum li għalkemm bħalissa r-reputazzjoni tal-Arabja Sawdija mal-bqija tad-dinja mhix għaddejja minn żmien sabiħ, ma tantx hemm xi jwaqqaf l-investiment ta’ dan it-tip milli jseħħ għal raġunijiet ekonomiċi.
Madankollu ħafna jsostnu li entita kbira bħal Manchester United m’għandu qatt jiġi mżewweġ ma’ reġim li hu akkużat b’għexjieren ta’ każijiet t’ abbuż tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-aħħar każ tal-ġurnalist Kashoggi.
F’reazzjoni, Manchester United ċaħdu dik li sejħu bħala spekulazzjoni li l-klabb jinsab għall-bejgħ u saħqu li l-Glazers huma kommessi li jkomplu fit-tmexxija tal-klabb.