Il-Ħamis li ġej ser ikun qed isir referendum importanti li jiddetermina jekk l-Ingilterra hux ser tibqa membru tal-Unjoni Ewropea. F’kummenti lil one.com.mt, il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra spjegat li m’għandiex statistika tan-numru ta’Maltin li joqgħodu fir-Renju Unit li huma eliġibbli jivvotaw.
Il-Kummisjoni spjegat kif kull persuna li għandha minn 17-il sena ‘l fuq u tgħix fl-Ingilterra, l-Irlanda ta’ Fuq u Wales tista’ tirreġistra biex tivvota. Iżda biex ikun eliġibbli l-votant irid jagħlaq 18 sal-ġurnata tar-referendum.
Min jista’ jivvota?
Il-Kummissjoni spjegat kif ċittadini Brittaniċi jew Irlandiżi li joqgħodu fir-Renju Unit jew ċittadini tal-commonwealth, li jinkludu ċittadini ġejjin minn iżjed minn 50 pajjiż bħall-Kanada u l-Malasja. Huma eliġibbli ukoll dawk iċ-ċittadini tar-Renju Unit u Irlandiżi li milhomx iktar minn 15-il sena jgħixu f’pajjiż ieħor u li kienu rreġistraw biex jivvutaw.
Dawk il-Maltin li huma eliġibbli jivvutaw fir-Referendum iridu jkunu għalqu 18-il sena sat-23 ta’ Ġunju.