“Ħallu lil Gvern joqgħod jgħajjat bis-surplus”, hija l-fehma tal-Kap tal-Oppożizzjoni. Dikjarazzjoni li ma tfisser xejn ħlief li Adrian Delia ma jarax l-importanza li pajjiżna jibqa jdaħħal iktar milli joħroġ, kif ilu għall-aħħar tlett snin, biex ikun f’pożizzjoni li jressaq budgets pożittivi li jsaħħu l-middle class u joħolqu l-ġustizzja soċjali. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Spjega li l-Partit Nazzjonalista huwa sinonimu mad-deficit. Ħalla lil pajjiżna f’Excessive Deficit Procedure u konsegwentament tnaqqsu l-budgets f’oqsma importanti bħas-saħħa u l-edukazzjoni. Dan il-Gvern jemmen li Malta m’għandha qatt tmur lura għal din il-politika.L-istqarrija tgħid kif Adrian Delia llum ħareġ ukoll kontra l-impjiegi ġodda li qed jinħolqu u jattiraw ħaddiema barranin f’pajjiżna, u kontra l-ħidma fis-setturi ġodda bħal blockchain u l-Artifical Intelligence.
Il-PL qal li l-faqar fl-ideat ekonomiċi tal-Kap tal-Oppożizzjoni jġegħluh joħroġ b’teoriji żbaljati u li ekonomisti diġa qalulu li ma jagħmlux sens. Fosthom li l-faqar qed jiżdied u li l-ekonomija qed tikber għax ġejjin iktar nies. Bil-maqlub, in-nies jiġu Malta għax miexja ħafna ‘l quddiem, bis-saħħa ta’ iktar flus fil-but li qed iwasslu biex il-familji u n-negozji jinvestu dejjem iktar.
Intqal kif Adrian Delia jiddejjaq wisq li pajjiżna sejjer tajjeb. Kważi jeħodha kontra l-poplu għax “għamel għażliet ekonomiċi”. L-istqarrija tememt tgħid li fir-realta, l-poplu qed jagħmel għażliet politiċi, ekonomiċi u soċjali għaliex jaf li Malta sejra fid-direzzjoni t-tajba u l-futur tiegħu huwa wieħed ta’ suċċess.