Ash – kelb iswed tar-razza pitbull li sa ftit tal-jiem ilu lanqas kien jiflaħ jimxi, iżda li llum qed jingħata mħabba bla qies mill-ħaddiema tal-Animal Welfare f’Ħal Farruġ – fejn qed jistenna familja biex tadottah.
Il-kelb mans ta’ madwar erba’ snin instab abbandunat f’Ħal Qormi nhar it-Tnejn, u bħal f’ħafna każijiet, kienu nies li rawh mitluq kważi bla ħajja, li ċemplu u rrappurtaw.
Id-Direttur tal-Animal Welfare Noel Montebello fisser l-istat imwiegħri li nstab fih dan il-kelb; li kien mejjet bil-ġuħ bil-kustilji mqabbżin ’il barra.
Montebello spjega li “Għandu body score baxxa ħafna. Meta wieħed jgħid body score ifisser li jkun malnourished – ma jkunx ħa ikel u sibnih abbdunat. Dak intellgħuh l-Isptar tal-annimali, fejn jiġi ċċekjat u jgħaddi għandna u jibda proċess ta’ recovery fejn anki nippruvaw nadottawh.” Ash huwa biss wieħed minn bosta klieb li nstabu abbandunati fl-aħħar ġimagħtejn.
Filfatt, fejn sa ftit tal-ġranet ilu kienu medja ta’ ħamest iklieb fil-ġimgħa li kienu jinġabru mill-Animal Welfare, minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi li permezz tagħha klieb ma jistgħux jinżammu maqfula b’ċineg jew bi ktajjen ma’ post permanenti għal jiem sħaħ, dawn telgħu għal medja ta’ ħmistax.
Jiġifieri f’ġimagħtejn biss, in-numru ta’ klieb abbandunati ttripla, kif spjegat Nevise Borg Caligari.
Nevise spjegat kif “Dan ifisser li ara kemm kien hawn klieb li forsi kienu qed jinżammu fuq ċinga u li dak li jkun minflok ma jerfa’ responsabbiltà biex il-kelb ikun qed jgħix aħjar, ma rax il-ħarsien tal-kelb imma qabad u qatalu ċ-ċinga.”
Appellat biex jekk hemm xi ħadd li jaf ta’ min hu dan il-kelb jitkellem, għaliex jekk ma jsirx hekk, l-abbużi jibqgħu jiżdiedu – bil-konsegwenza li jbatu l-klieb.
Qalet li “Ash kien lucky li nstab kważi tard wisq għax il-kundizzjoni li qiegħed fiha nibqa’ mbellħa kif għadna nsibu dal-istat tal-klieb għax anki tħares lejn rasu – pitbull nafuh bħala kelb robust, dan għadam biss. Però rridu nibdew nitkelmu.”
Bħalissa fl-Animal Welfare hemm mal-ħamsin kelb u kelba li qed jistennew familja li tħobbhom, u għaldaqstant l-appell dejjem jibqa’ biex min irid kelb, minflok jixtrih, jadottah.