Irid ikun il-Partit Nazzjonalista li f’rapport li juri li pajjiżna mar aħjar fuq numru kbir ta’ indikaturi edukattivi joħroġ jagħti l-impressjoni kompletament negattiva tax-xogħol li qed jagħmlu l-edukaturi u r-riżultati li qed jiksbu l-istudenti u ż-żgħażagħ tagħna.
Ir-rapport juri biċ-ċar li:
- Fuq livell terzjarju ir-rata ta’ kisbiet edukattivi tal-istudenti f’dan il-livell telgħet minn 26.5% ghal 30% fi tliet snin;
- Iktar kmieni illum l-NSO ikkonfermat li r-rata ta’ early school leavers tal-2017 illum hija 17.7%. Fl-2009 taħt Gvern Nazzjonalista ir-rata kienet iktar minn 27%;
- In-numru ta’ gradwati li jsibu xogħol f’pajjiżna huwa ta’ 94.5%. Din hija waħda mill-ogħla rati f’dan il-qasam fuq livell dinji;
- Anke fuq livell ta’ adulti, il-parteċipazzjoni għoliet minn 7.4% Ghal 10.1% fi żmien tliet snin.
Il-Partit Laburista spjega kif huwa nġust li dawn il-kisbiet importanti li m’humiex ta’ Ministru jew Gvern, iżda tal-edukaturi u tal-istudenti, jitpoġġa f’dell ikrah bin-negattivita’ tal-Partit Nazzjonalista.
Anke fejn pajjiżna qiegħed inqas mir-rata tal-Unjoni Ewropea, bħal tal-early school leaving, fi tliet snin pajjiżna naqqas ir-rata b’erba’ darbiet daqs kemm naqset dik tal-medja Ewropea. Dan juri li għalkemm bdejna minn punt ta’ tluq b’figuri għoljin, Malta qeda ittejjeb b’rata mgħaġġla u jekk tibqa’ iżżomm dan il-pass se tkun qed tilħaq il-medji Ewropej, u tmur oltre.
Fis-settur edukattiv it-tibdiliet idumu biex iħallu l-frott, iżda dan it-titjib fuq numri differenti ta’ oqsma huwa diġa’ eżempju li qegħdin fid-direzzjoni t-tajba.
Fl-aħħar ħames snin rajna il-baġit edukattiv żdied b’50%.
Rajna żieda fl-istipendji, introduzzjoni ta’ programmi alternattivi u vokazzjonali, sillabi ġodda u iktar relevanti u ħafna miżuri oħrajn. Anke fil-qasam tat-tfal barranin beda jsir ħafna xogħol, bit-twaqqif tal-Migrants Learning Unit fl-2014 u l-esperjenzi edukattivi, inkluż fil-lingwa, li huma offruti min hemm. Se nkomplu naħdmu biex insaħħu dawn it-tip ta’ programmi għax huma bżonnjuzi.
Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, mil-banda l-oħra, naqas l-istipendji u ħalla l-Università u l-letturi mingħajr biżżejjed flus għall-pagi fl-aħħar sena il-gvern. Rapporti edukattivi importanti kienu jinħbew jew ma jsirux biex l-Ewropa ma tħabbarx aħbarijiet koroh.
Dan il-Gvern jiffaċċja l-isfidi u mhux jaħrab minnhom, u hekk sar matul dawn l-aħħar ħames snin, temm jgħid il-Partit Laburista.