Il-libertà mhix negozjabbli. Dan kien il-messaġġ li wasslet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli lill-istudenti tal-iskola primarja fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu f’Birżebbuġa fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew Kontra t-Traffikar. Din l-attività kienet l-għeluq ta’ kampanja ta’ għarfien dwar it-traffikar uman fost it-tfal organizzata mill-għaqda non-governattiva Cross Cultural International Foundation Malta (CCIF).
Is-Segretarju Parlamentari qalet li l-Gvern iqis lit-tfal u lill-edukaturi bħala msieħba fi strateġija ta’ prevenzjoni kontra t-traffikar uman. Għal dan il-għan, is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qed jiddiskutu metodi sabiex jintegraw l-edukazzjoni dwar it-traffikar uman fil-kurrikulu nazzjonali.
Fid-diskors tagħha wara numru ta’ preżentazzjonijiet mit-tfal, is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli tkellmet dwar il-valur tad-dinjità tal-bniedem u l-impatti koroh tat-traffikar uman fuq it-tfal u l-adulti. Hija fakkret lit-tfal preżenti għall-attività li ħadd m’għandu l-jedd li jisfrutta persuna oħra. It-tfal kienu mħeġġa sabiex iwasslu l-messaġġ lil nies oħra, inklużi adulti, li mhumiex familjari mas-sinjali tat-traffikar uman.
Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar l-importanza li l-Gvern u s-soċjetà ċivili jaħdmu flimkien sabiex iqajmu aktar kuxjenza dwar it-traffikar uman.
L-istudenti ġew preżentati b’tifkira żgħira bit-tema tal-kampanja bħala ġest t’apprezzament għall-parteċipazzjoni tagħhom f’din il-kampanja.