Fl-istess ħin li pajjiżna qed jinvesti biex jattira niċeċ ekonomiċi ġodda, irridu naħdmu biex naċċertaw ruħna li jkollna ħaddiema Maltin li jkollhom karrieri li jrendu f’dawn l-oqsma. Meta kienet qed tindirizza laqgħa f’Birkirkara, il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli tkellmet dwar il-bżonn li l-istudenti li llum qegħdin fl-ewwel snin tagħhom tas-Sekondarja jkunu ggwidati biex jitħarrġu f’karrieri li fuqhom se tkun mibnija l-ekonomija Maltija. Fost dawn hemm il-Blockchain, distributed ledger technology, l-intelliġenza artifiċjali u teknoloġiji ġodda fost l-oħrajn.
“Il-viżjoni ta’ Gvern Laburista hija li fis-snin li ġejjin nattiraw setturi ekonomiċi mibnija fuq teknoloġija diġitali. Nemmen li din hija opportunità biex niddiversifikaw. Irridu wkoll ninvestu f’teknoloġiji nodfa u ekonomija ambjentali li jistgħu jgħinuna noħolqu impjiegi ġodda. Għalhekk li hemm bżonn li nibdew ninvestu fl-istudenti li llum qegħdin fl-ewwel snin tagħhom tal-iskola sekondarja u li f’temp ta’ għaxra, 15-il sena se jkunu qed jaħdmu,” qalet Miriam Dalli.
Dr Dalli sostniet li ladarba l-pajjiż għandu direzzjoni fejn sejjer, rridu naċċertaw ruħna li l-istudenti Maltin u Għawdxin ikunu ggwidati lejn karrieri ta’ suċċess. “B’hekk naċċertaw ruħna li l-Maltin u l-Għawdxin ikollhom l-aqwa mpjiegi f’pajjiżhom stess,” żiedet tgħid Miriam Dalli.
Miriam Dalli rreferiet għal żjara li għamlet fl-istituzzjoni edukattiva MCAST fejn l-amministrazzjoni ta’ din l-istituzzjoni edukattiva spjegat x-xogħol li qed isir flimkien mal-industrija biex l-istudenti jkunu mħarrġa f’industriji fejn hemm domanda għall-ħaddiema.
“Illum il-ġurnata għandna domanda qawwija għall-ħaddiema f’oqsma differenti, partikularment fl-ekonomija diġitali. Fl-istess ħin l-ammont ta’ studenti li jikkwalifikaw f’dawn l-oqsma għadu wieħed baxx. Għalhekk hemm bżonn li ż-żgħażagħ tagħna jkunu preparati għal dawn il-karrieri u, apparti t-tagħlim akkademiku, jingħataw aktar prattika fuq postijiet differenti tax-xogħol,” saħqet Miriam Dalli.
L-MEP Laburista qalet li fid-dinja tal-llum, bit-teknoloġija tinbidel b’ritmu mgħaġġel ħafna, huwa meħtieġ li l-ħaddiema jibqgħu jiġu mħarrġa kontinwament, aktar minn qatt qabel, biex jibqa’ jkollhom il-ħiliet meħtieġa għax-xogħol tagħhom. Żiedet illi din il-flessibilità fit-tagħlim u aktar taħriġ jgħinu lill-ħaddiema jiżviluppaw fid-dinja tax-xogħol.
Dwar il-pensjonijiet Miriam Dalli laqgħet l-inizjattivi ta’ dan il-Gvern li għolla l-pensjonijiet u ħa ukoll inizjattivi biex itaffi l-piżijiet tal-pensjonanti. Żiedet tappella lill-Gvern biex fil-Baġit li ġej ikompli jżid l-pensjonijiet minħabba li dan hu wieħed mill-aktar setturi vulnerabbli għat-tibdil ekonomiku fil-pajjiż.
Waqt din il-laqgħa, l-MEP Dalli wieġbet mistoqsijiet ta’ dawk preżenti dwar il-ħidma tagħha fil-Parlament Ewropew, inkluż dwar l-ambjent, l-immigrazzjoni u s-sigurtà, fost l-oħrajn.