Il-Gvern Malti ngħaqad mal-istituzzjonijiet internazzjonali, PEN International, ECPMF, CPJ, RSF u EFJ, biex ssir ġustizzja b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Gvern tenna l-appoġġ tiegħu lill-investigaturi lokali u dawk internazzjonali li qed iwettqu investigazzjoni serja, tant li f’inqas minn 50 jum, tliet Maltin tressqu l-Qorti akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Fi stqarrija, il-Gvern qabel mal-ħames organizzazzjonijiet internazzjonali kif l-istampa ħielsa hi kruċjali u s-sine qua non f’demokrazija, u kif il-Gvern hu impenjat b’mod sħiħ biex ikompli jsaħħaħ il-libertà tal-espressjoni f’Malta.
Spjega kif dan kien evidenti fid-dawl tad-dħul tal-liġi tal-midja li hi fost l-aktar leġislazzjonijiet progressivi fl-Ewropa. Tul dawn l-aħħar sitt snin, matul l-ewwel u t-tieni leġislatura, il-Gvern kien impenjat fuq riformi li saħħu r-rule of law bl-introduzzjoni ta’ leġislazzjonijiet ġodda li poġġew lil Malta fl-istess livell mal-aqwa prattiċi Ewropej f’diversi oqsma tal-Governanza.