Mis-Sibt li ġej se jiftaħ l-istaġun tal-insib fuq il-Pluviera u l-Malvizz.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri fejn spjega kif għall-ewwel darba mindu Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea ntlaħaq ftehim bil-miktub dwar il-prinċipju għal applikazzjoni ta’ d-deroga tal-insib għall-Malvizz u l-Pluviera. “Bid-diskussjonijiet u bil-proattività ta’ dan il-Gvern irnexxielna ndawwru dan kollu. Dan huwa l-ewwel pass, mill-20 t’Ottubru se jkollna deroga għall-ewwel darba kemm ilna fl-Unjoni Ewropea, maqbula mal-Kummisjoni fejn in-nassaba se jkunu jistgħu jonsbu għall-Pluviera u l-Malvizz”, qal is-Segretarju Parlamentari.
Wara s-sentenza tal-Qrati Ewropej dwar l-insib tal-għasafar tal-għana, il-Kummissjoni Ewropa kellha l-intenzjoni li tiftaħ kawża oħra kontra Malta b’detriment qawwi għal dan id-delizzju:
“L-istess sentenza kellha wkoll riperkussjonijiet ċari fuq id-deroga l-oħra tal-Pluviera u l-Malvizz. Għandna d-dokumentazzjoni f’idejna wkoll li l-Kummisjoni Ewropea kienet lesta li tieħu l-Malta l-Qorti wkoll fuq id-deroga tal-insib tal-pluviera u l-malvizz u l-insib possibbilment kien jispiċċa darba għal dejjem mill-gżejjer Maltin”
Is-Segretarju Parlamentari kompla jispjega kif il-malji tax-xibka jridu jitkabbru minn 30m għal 45mm, bin-nassab ikun jista’ juża stazzjon wieħed u jrid iżarma x-xbieki kull filgħaxija.
Kif mitlub mill-Unjoni Ewropea, il-Gvern se jalloka aktar riżorsi għall-infurzar permezz tal-Wild Bird Regulation Unit u l-pulizija.
Il-Perit Camilleri qal li l-esperti legali tal-Gvern għadhom qed jistudjaw is-sentenza mogħtija f’Lulju u għalhekk l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana se jibqa’ magħluq.
Huwa appella lin-nassaba sabiex jimxu mad-deroga u jobdu l-ordnijiet sabiex dan id-delizzju jibqa’ sostenibbli u jkun jista’ jibqa’ jiġi pprattikat fil-futur.
B’reazzjoni, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti laqgħet din l-aħbar u filwaqt li rringrazzjat lill-Gvern talli għamel ħiltu kollha sabiex jissalvagwardja dan id-delizzju, fakkret lin-nassaba li kull att illegali jkompli jnaffar kull tentattiv li jista’ jkun hemm sabiex jinkiseb progress