Mill-aħħar ta’ Ottubru li ġej il-proġett pilota tas-separazzjoni tal-iskart se jiġi estiż fl-ibliet u l-irħula kollha Maltin.
Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera qal li dan huwa pass kbir ’il quddiem sabiex f’pajjiżna ndaħħlu l-ekonomija ċirkolari. Huwa saħaq li ammont sostanzjali tal-iskart ta l-borża s-sewda huwa skart organiku, jiġifier skart li ġej mill-ikel u meta mormi fil-landfill iħalli impatt negattiv fuq l-ambjent.
B’din il-miżura Dr Herrera qal li minn piż l-iskart organiku se jibda jitqies bħala riżorsa:
“40% tal-iskart huwa skart organiku u minn żibel se nagħmluh riżorsa, fis-sens li eventwalment nistgħu nagħmluh u jista’ jintuża biex isaħħaħ il-ħamrija apparti dan inkunu qed niġġeneraw mill-gass tiegħu l-elettriku”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv, Tonio Montebello qal li s’issa permezz ta’ proġett pilota nġabru tmien tunellati ta’ skart organiku bin-numru mistenni jirdoppja sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Huwa spjega kif bħalissa minħabba li l-iskart oganiku qed ikun imħallat ma’ materjal ieħor tal-borża s-sewda la darba jiġi pproċessat ma jkunx jista’ jintuża aktar:
“Il-kompost li kien jibqa’ fl-aħħar, peress li jkun ħareġ mill-borża s-sewda li jkun fiha contaminants, bħall-merkurju u heavy metals ma tistax tużaħ bħala kompost fil-ħamrija għax għandek riskju li jitħalltu mal-food chain”
L-Inġinier Montebello spjega kif s’issa tqassmu 60% tar-reċipjenti kif ukoll il-boroż apposta għal dan l-iskart li jħallu ferm anqas impatt fuq l-ambjent.
F’isem l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava laqa’ dan il-proġett iżda talab għal aktar infurzar fil-lokalitajiet sabiex jitnaqqas l-abbuż.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qak li l-LESA se tqabbad aktar uffiċċjali tal-komunità sabiex jassistu aktar fuq l-infurzar. Huwa temm billi spjega li persuna teħel ċitazzjoni jekk trid u li Malta ma tistax tibqa’ tittolera persuni li jarmu l-iskart tagħhom barra t-triq.