Il-Fondazzjoni ‘Simon Schembri – Blue Light’ li se titwaqqaf uffiċjalment nhar il-Ħamis mill-Kuntistabbli Simon Schembri se tkun imsejsa fuq erba’ għanijiet prinċipali.
Ewlenin fosthom dik li tipprovdi għajnuna psikoloġika lill-Uffiċjali tal-Korpi Dixxiplinati u l-istaff tal-Emerġenza, u għajnuna finanzjarja lil minn sfortunatament ikun involut f’ xi inċident fuq il-post tax-xogħol tiegħu.
Iżda mhux biss!
Lejliet li titwaqqaf din il-fondazzjoni, u l-għada tal-iffirmar tal-Ftehim Settorjali storiku għall-Korp tal-Pulizija, tkellimna maċ-Chairman ta’ din il-fondazzjoni, l-Ispettur Herman Mula.
“L-għajnuna psikoloġika u morali qatt mhi bizejjed fil-verità. Pero l-enfasi huwa li aħna se nkunu qed nikkumplimentaw fuq l-għajnuna li diġa hemm” qal Mula.
Il-Fondazzjoni ser tara li titqajjem iktar kuxjenza dwar ix-xogħol tal-Pulizija, l-Armata, il-Protezzjoni Ċivili, l-Uffiċjali tal-Ħabs u dawk tal-Emerġenza kif jispjega s-Sur Mula :
“Se nissimpattizaw iżjed ma’ dak l-Uffiċjal li ħalla l-familja warajh u ħareg għax-xogħol liebes l-uniformi u jista’ ma jirritornax lura, bħal ma kien fil-periklu li jiġrilu Simon Schembri”
Għal dan il-għan fl-aħħar erba xhur ġie mħejji studju riċerkat minn professjonisti biex tinstab soluzzjoni għan-nuqqas ta’ rispett lejn dawk lebsin l-uniformi.
“Kif jgħidu, charity begins at home as well, jekk inti mid-dar stess m’hemmx dik il-forma ta’ rispett, allura l-karattru tiegħek mhux se jkun daqstant tajjeb. Iżda aħna bħala fondazzjoni se nipprovaw nesploraw dan il-kambjament li jista’ jkun hemm fir-rispett jew fin-nuqqas tiegħu lejn il-persuni li jilbsu l-uniformi”, tenna l-Ispettur Herman Mula.
Huwa jgħid li dan se jsir b’diversi modi, iżda qal ukoll li din il-fondazzjoni ser tkun qed tikkampanja sabiex tidaħħal il-piena ta’ priġunerija effettiva għal minn jagredixxi xi uffiċjal tal-Pulizija.
“Se nesploraw approach li jista’ jkun permezz ta’ kurrikulu, ta’ kif il-forzi dixxiplanti speċjalment il-korp tal-Pulizija li huwa l-iktar li jmiss in-nies, jirellata bl-aqwa mod maż-żgħażagħ u mat-tfal”
L-Ispettur Mula jgħid li l-idea li titwaqqaf din il-fondazzjoni wara li xi ħbieb ta’ Simon Schembri bdew jiġbru xi flus għall-qraba tiegħu. Iżda ġara li kien tħabbar li l-Gvern ser jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-familja Schembri.
Għalhekk twaqqfet din il-fondazzjoni sabiex isservi ta’struttura trasparenti sabiex il-flus li leħqu nġabru jiġu użati b’mod sew.
Kif jispjega Dr.Michele Cardinali li ħadem fuq l-istatut :
“Minn hemmhekk wasalna għall-aħjar checks and balances wara riċerka biex il-fondazzjoni tilħaq l-objettivi tagħha. Se jkollha disa’ membri bħala board of administrators li tlieta minnhom jintagħżlu mill-fundaturi u l-bqija tal-membri tal-bord ser ikunu rappreżentati mll-ħames entitajiet li jużaw id-dawl ikħal”
Apparti minn hekk ser jitwaqqaf Supervisory Board ta’ tliet membri li jiżgura li l-fondazzjoni qed titmexxa b’serjetà amministrattiva u finanzjarja.